Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti indirizza l-avveniment Cancer Research Days, organizzat mis-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, b’kollaborazzjoni ma’ Xjenza Malta, u qed jittella’ proprju fix-xahar ta’ Ottubru li huwa ddedikat biex iżid aktar għarfien dwar il-kanċer tas-sider.
L-avveniment kellu l-għan li jressaq flimkien riċerkaturi, professjonisti fil-qasam tas-saħħa, rappreżentanti mill-industrija u policymakers, sabiex jiġu ppreżentati u diskussi l-fatti ewlenin dwar ir-riċerka dwar il-kanċer f’Malta.
Matul l-attività, il-Professur Vincent Marmarà ppreżenta r-riżultati ta’ ħames sondaġġi imwettqa mill-Università ta’ Malta dwar l-għarfien, il-prattiċi u l-perċezzjoni tal-pubbliku dwar il-kanċer fil-gżejjer Maltin. Dan l-istħarriġ joffri stampa ċara tas-sitwazzjoni attwali u jgħin jidentifika fejn hemm bżonn ta’ aktar għarfien u interventi mmirati.
Is-suġġetti trattati ġew diskussi mill-mistiedna preżenti li analizzaw ir-riżultati u pproponew soluzzjonijiet konkreti, li mbagħad ġew ippreżentati waqt panel discussion li kienet moderata mill-Cancer Research and Innovation Hub Malta (CRIHM) u li fiha ħadu sehem Prof. Christian Scerri u Dr Amanda Spiteri Grech.
Waqt l-intervent tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti tenna l-impenn tal-Gvern li jkompli jinvesti u jsaħħaħ dan is-settur kruċjali għal pajjiżna. “Il-kanċer jolqot lil kull familja, direttament jew indirettament. Għalhekk, ir-riċerka f’dan il-qasam mhijiex biss kwistjoni xjentifika, imma wkoll impenn uman. F’dawn l-aħħar sentejn, il-Gvern investa aktar minn €3 miljun f’għaxar proġetti ta’ riċerka dwar il-kanċer permezz ta’ sejħa pubblika maħruġa minn CRIHM u se nkomplu nibnu fuq dan is-suċċess sabiex inħajru aktar kollaborazzjoni, innovazzjoni u parteċipazzjoni taż-żgħażagħ xjenzati tagħna. Dan jallinja wkoll mal-Viżjoni Malta 2050, li tħares lejn pajjiż ibbażat fuq l-għarfien, ir-reżiljenza u l-innovazzjoni.”
Matul l-attività, ġie wkoll ppreżentat il-proċess tas-sejħa pubblika u l-għażla tal-proġetti tar-riċerka fil-kanċer minn Giulia Aquilina, Executive tal-R&I fi ħdan Xjenza Malta, filwaqt li intwerew filmati tal-progress tal-proġetti li ingħataw il-fondi s-sena li għaddiet.
L-avveniment wera mill-ġdid il-kooperazzjoni bejn ix-xjenza, is-settur tas-saħħa u l-politika pubblika hija ċ-ċavetta biex Malta tkompli tissaħħaħ bħala ċentru ta’ eċċellenza fir-riċerka u l-innovazzjoni relatata mal-kanċer.