Ħafna drabi fis-soċjetà nsibu stigmatizzazzjoni li tifed lil dawk bejn it-tajbin u l-ħżiena. In-nies li jiffurmaw l-istess soċjetà, bħal donnhom jaqtgħu linja bejn min hu tajjeb, dak li għandek tagħmilha miegħu u oħrajn li trid twarrabhom u taħrabhom.
Forsi l-ġenerazzjonijiet avvanzati fl-età iktar minn dawk li tilgħin jiftakru l-frażi ‘qis li tagħmilha ma min hu aħjar minnek’. Imma din il-frażi għadha tgħodd illum? Bħala soċjetà matura, qegħdin nagħtu tama lil dawk li forsi qegħdin f’xifer l-irdum? U dawk li għal xi raġuni waqgħu u għad hemm it-tama li nsalvawhom qegħdin nagħmlu biżżejjed għalihom?
Fl-aħħar jiem assistejna għal kjuwijiet kbar ta’ nies minn kull rokna tal-pajjiż, jum wara l-ieħor barra l-bini tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, biex jixtru mill-prodotti maħdumin minn idejn il-ħabsin.
Aħna, stajna naraw mill-qrib il-ħidma ta’ dawn in-nies, li minn sentenza li se jkollhom iġorru wara daharhom ħajjithom kollha, rnexxielhom jaraw it-tazza nofsha mimlija u jħarsu ’l quddiem lejn dik li possibbilment tista’ tkun opportunità ta’ xogħol li jrendilhom biex ukoll ikunu jistgħu jibdew ħajja ġdida.
Għalhekk nemmnu li dawn huma kapaċi daqs ħaddieħor, xi ħaġa li żgur u mhux forsi ma ngħiduhiex aħna biss. Wieħed jista’ jinnota li l-fatt li l-prodotti tagħhom huma ferm imfittxija hija xiehda tal-ħiliet li dawn jippossjedu.
Minn dejjem insistejna li l-Faċħda li trawwem għall-opportunitajiet jista jkun hemm għal min verament jixtieq jibda mill-ġdid. Għalkemm forsi s-soċjeta issibha iebsa biex tasal tafda lil dawn il-persuni minħabba dak li nstabu ħatja dwaru, nemmnu iżda li dawn għandhom jingħataw ċans ieħor biex jimxu ‘l quddiem fil-ħajja tagħhom.
Nemmnu u nawguraw ukoll lil dawk li diġà ħarġu mill-post u bdew jaħdmu f’sengħa li tgħallmu waqt li kienu qegħdin ipattu għal żbalji li setgħu wettqu.
Nitkellmu ħafna dwar soċjetà li għamlet ħafna avvanzi. Nitkellmu dwar dmirjiet u drittijiet. Nitkellmu dwar il-maħfra u l-paċi. Nitkellmu dwar ħafna suġġetti. Filwaqt li ma nistgħux nitilqu r-riedni għal kollox minn idejna, nemmnu li dawk li jinstabu ħatja għandhom jingħataw kull opportunita ta’ tagħlim.
M’aħna bl-ebda mod ngħidu li min jiżbalja m’għandux ipatti ta’ għemilu, iżda nemmnu li dawk li jiżbaljaw u jkunu lesti li jaqilbu l-folja, jsibu l-għajnuna kollha li jinħtieġu, fl-opportunitajiet ta’ taħriġ li minnu jistgħu jibbenefikaw ħafna fil-futur tagħhom ġewwa u barra mill-konfini tas-soċjetà.