Wednesday, December 25, 2024

ĊANS IEĦOR LIL DAWK LI ŻBALJAW B’AKTAR OPPORTUNITAJIET EDUKATTIVI

Aqra wkoll

Ħafna drabi fis-soċjetà nsibu stigmatizzazzjoni li taqsam lil dawk li jiffurmawha bejn it-tajbin u l-ħżiena. In-nies li jiffurmaw l-istess soċjetà bħal donnhom jaqtgħu linja bejn min hu tajjeb li tagħmilha miegħu u oħrajn li trid twarrabhom.

Forsi l-ġenerazzjonijiet avvanzati fl-età iktar minn dawk li tilgħin jiftakru l-frażi qis li tagħmilha ma min hu aħjar minnek. Imma din il-frażi għadha tgħodd? Dak li jkun qiegħed jiddistingwi bejn min seta’ żbalja f’mument fejn ħassu maqrus f’rokna bla tarf? Qegħdin nagħtu tama lil dawk li forsi qegħdin f’xifer l-irdum? U dawk li għal xi raġuni waqgħu u għad hemm it-tama li nsalvawhom qegħdin nagħmlu biżżejjed għalihom?

Fl-aħħar jiem assistejna għal kjuwijiet kbar, jum wara l-ieħor barra mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin b’persuni minn kull rokna tal-pajjiż jagħżlu li jmorru biex jixtru mill-prodotti maħdumin mill-ħabsin. Bħala ġurnal kellna l-opportunità li naraw mill-qrib il-ħidma ta’ dawn in-nies u li minn sentenza li se jkollhom iġorru wara daharhom ħajjithom kollha, rnexxielhom jaraw it-tazza nofsha mimlija u jħarsu ’l quddiem lejn dik li possibbilment tista’ tkun opportunità ta’ xogħol li jrendilhom il-flus biex ikunu jistgħu jibdew ħajja ġdida. Ninnutaw b’rispett il-ħeffa tal-id ta’ dawn il-ħabsin li minkejja stigma fuq barra li jistgħu ma jkunu tajbin għalxejn minħabba li jkunu nstabu ħatja fil-Qorti.

Nemmnu li l-kapaċitajiet tagħhom – li ma nitkellmux aħna biss dwarhom – tant li l-prodotti tagħhom kien ferm imfittxija fi żmien il-Ġimgħa Mqaddsa, jistgħu jagħmlu tajjeb għall-problema ta’ persuni li lesti jaħdmu xogħlijiet bħalma huma l-furnara.

Forsi ftit japprezzaw is-sengħa ta’ dawn il-furnara li ta’ kuljum jaħdmu lejl u nhar biex jipproduċu prodott imfittex mill-maġġoranza assoluta tan-nies f’ħinijiet varji matul il-jum. Jekk għal-lunch, jew għal mal-ikla ta’ nofsinhar jew ta’ filgħaxija, jew għal xi ftira fil-kampanja jew ħobża biż-żejt fejn il-baħar, l-id ta’ dawn in-nies hija indispensabbli. Mingħajr forsi napprezzaw, ħafna furnara jgħixu stil ta’ ħajja differenti minn dik li aħna mdorrijin biha.

Forsi dawn in-nies li jaħdmu matul il-lejl biex jippreparaw dawn il-prodotti mhumiex biżżejjed apprezzati? Dawn saħansitra jiċċaħħdu milli jorqdu ma’ familthom biex ikunu jistgħu jservu lill-klijentela sa minn kmieni filgħodu qabel jibda jisbaħ u tibda r-rutina mgħaġġla ta’ dawk li bejn il-lista ma’ tispiċċa qatt ta’ affarijiet, jieqfu ftit minuti jixtru dik il-biċċa ħobż.

Nemmnu f’Faċilità Korrettiva li lesta teduka. Nemmnu li hemm bżonn jiżdiedu l-opportunitajiet għal min verament jixtieq jibda mill-ġdid. Għalkemm iebsa biex tasal tafda lil dawn il-persuni minħabba dak li nstabu ħatja dwaru, nemmnu wkoll li għandu jingħata ċans ieħor lil min verament qiegħed iħares lejn it-tazza nofsha mimlija.

Nemmnu f’dawk li diġà ħarġu mill-post u bdew jaħdmu f’sengħa li tgħallmu waqt li kienu qegħdin ipattu għal żbalji li setgħu wettqu.

Nemmnu fis-saħħa tal-messaġġ ta’ dawn in-nies. Fuq il-kaxxi li fihom nbigħu xi prodotti minn tagħhom stess spikkaw il-messaġġi tagħhom li kellhom l-opportunità jxandru ma’ Malta kollha. Nemmnu fis-saħħa tal-kelma. Minkejja li huma mhumiex awtorizzati jxandru filmati u forsi mezzi oħra, b’sempliċiment kwotazzjoni huma sabu sens ta’ tama qalb ħafna minn dawk li xtraw.

Nitkellmu ħafna dwar soċjetà li għamlet ħafna żviluppi. Nitkellmu dwar dmirjiet u drittijiet. Nitkellmu dwar il-maħfra u l-paċi. Nitkellmu dwar ħafna suġġetti. Filwaqt li ma nistgħux nitilqu r-riedni għalkollox minn idejna, nemmnu li dawk li jinstabu ħatja għandhom jingħataw aktar opportunitajiet ta’ tagħlim.

M’aħna bl-ebda mod ngħidu li min jiżbalja m’għandux ipatti ta’ għemilu, iżda nemmnu li dawk li jiżbaljaw u jkunu lesti li jaqilbu l-folja, jsibu l-għajnuna b’aktar opportunitajiet ta’ taħriġ li minnu jistgħu jibbenefikaw ħafna aktar persuni ġewwa u barra mill-faċilità.

Ekonomija

Sport