Monday, October 20, 2025

Ċaqliq ta’ Fortuna 

Aqra wkoll

Kienu 24 siegħa diffiċli għall-ekwipaġġi kollha li qed jikkompetu fis-46 edizzjoni tar-Rolex Middle Sea Race. Il-jottijiet kollha għaddew mill-Istrett ta’ Messina, bl-aħħar tnejn — Mowgli of Portsmouth u Sao Jorge — ħerġa itkar kmieni wara nofshinar, fit-tielet jum. 

Madankollu, sa issa biss żewġ jottijiet daru madwar Favignana. Ir-riħ baqa’ ħafif u irregolari tul il-korsa kollha, u anke il-jottijiet li qedin fuq quddiem kellhom battalja iebsa. 

Black Jack 100, il-favurita għall-line honours, għandha vantaġġ ta’ 50 mil nawtiku fuq Balthasar, iżda l-progress jibqa’ diffiċli u bil-mod. Il-ħin tal-wasla ta’ Black Jack ilha indikata għal nhar it-Tlieta filgħodu, iżda l-ħin previst qed jittawwal b’kull rapport ġdid. Huwa mistenni riħ frisk mil-lbiċ, iżda meta, kif u kemm se jkun qawwi għadu inċert.

Il-kundizzjonijiet ħfief kienu konsistenti għal dawn l-aħħar 24 siegħa, b’mumenti intermittenti ta’ progress f’kull klassi.

Fil-klassi IRC 1, Black Jack 100 finalment waslet Favignana fid-23:13 tal-Ħadd filgħaxija, madwar ħames sigħat quddiem Balthasar. Meta bdiet tinżel lejn in-nofsinhar, il-maxi sewda kienet sejra b’veloċità tajba ta’ aktar minn 10 mil nawtiku fis-siegħa u waslet ħdejn Pantelleria fis-07:38 CEST.  Imbagħad kollox waqaf, u minn dak il-ħin 30 mil nawtiku biss ġew koperti. 

Balthasar, min-naħa tagħha, dehret mitfuna filgħodu hekk kif komplew lejn in-nofsinhar. Madankollu, billi għażlu rotta iktar lejn il-kosta Afrikana, Balthasar sabet riħ ġdid. Fil-ħin li qed jiġi konkluż dan ir-rapport, Balthasar kienet għadha kif għaddiet minn Pantelleria u jidher li r-riħ wasal għand Black Jack. Bħalissa Black Jack mistennija tasal xi ftit wara t-08:00 CEST ta’ nhar it-Tlieta filgħodu – għalkemm dan jista’ jinbidel hekk kif il-kundizzjonijiet jiżviluppaw.

Iktar lura, fil-fatt ħafna iktar lura, l-ebda jott ieħor għadu ma ddawwar il-kantuniera tat-tramuntana tal-punent ta’ Sqallija. Daguet 5, fil-klassi IRC 2, għamlet sforz kbir u kmieni wara nofsinhar dehret li kienet se tgħaddi Favignana. Madankollu, ir-riħ ma għen lil ħadd, u l-jott Franċiża kienet għadha fit-tramuntana ta’ Levanzo, b’ Whisper u Django Deer jiġru warajha b’veloċità ta’ madwar 10 mil-nawtiku fis-siegħa.  

Fit-tramuntana ta’ Sqallija, bejn Strombolicchio u Favignana, il-klassijiet IRC 3 u 4 jinsabu viċin ħafna xulxin. Kważi kulħadd jinsab fit-tramuntana, l-jott Franċiża Soleag qrib Ustica. Hydra mill-Istati Uniti qed issegwi strateġija simili, iżda jidher li ma kinitx tattika ta’ suċċess — Hydra tilfet postha fuq il-podju proviżorju tal-IRC 3, u minflokha telgħet il-jott Maltija Artie III. Aboat Time, mill-Bulgarija, għadha tmexxi l-klassi taħt il-korrezzjoni ta’ ħin IRC. 

It-tmexxejja fil-klassi IRC 5 u 6 rat il-jott Brittaniku Zephyr fil-klassi IRC 6 jikkompeti ma’ jottijiet ikbar u aktar b’saħħithom. Huma wkoll qed jippruvaw rotta fit-tramuntana. Mon Ile u Elusive 2, fil-klassi IRC 5, qed jiġġieldu għal kull nifs ta’ riħ b’saħħa u determinazzjoni. Il-vantaġġ qed jinbidel bejn iż-żewġ jottijiet, probabbilment daqs kemm tinbidel id-direzzjoni tar-riħ. 

Minn ħdejn Sqallija, ftit lejn il-punent ta’ Alicudi, Seb Ripard fuq il-jott Calypso qal:

“Kienu 24 siegħa bil-mod iżda sbieħ għal Calypso. Aħna l-iżgħar jott fil-flotta —  30 pied biss — għalhekk il-paċenzja hija parti mill-logħba. Fit-tramuntana ta’ Sqallija, ir-riħ kien ħafif u kapriċċuż, u xi drabi kellna niġġieldu għal kull qatra ta’ veloċità. Hija tiġrija fejn trid iżżomm sens ta’ umoriżmu u tibqa’ pożittiv.”

“Ħadna rotta kemxejn aktar qrib ix-xatt, bit-tama li naqbdu ftit riħ tal-baħar minn Sqallija, filwaqt li oħrajn baqgħu aktar ‘il barra. Din hija parti mill-avventura. Għalina din it-tellieqa mhux biss dwar ir-riżultati — imma dwar li nkunu hawn flimkien, ntellqu b’saħħitna u nieħdu gost ma kull mil ta’ din it-tiġrija inkredibbli.”

Biss żewġ jottijiet daru ma Favignana, u kważi l-flotta kollha għadha titbiegħed bil-mod tul il-kosta tat-tramuntana ta’ Sqallija, s-sitwazzjoni ma setgħetx tkun iktar delikata. 

Fil-lvant tal-Italja, hemm riħ kostanti mit-tramuntana; fil-punent ta’ Sardinja, fluss qawwi mil-lbiċ. Bejniethom, il-kosta tat-tramuntana ta’ Sqallija tinsab f’żona ta’ tranżizzjoni — fejn dawn iż-żewġ sistemi jħassru lil xulxin, u jħallu l-biċċa l-kbira tal-flotta tar-Rolex Middle Sea Race maqbuda f’żona kbira ta’ riħ instabbli. 

Sas-sigħat bikrin ta’ nhar it-Tlieta, hu mistenni li jasal riħ mil-lbiċ  li ser jġib ftit tama għal dawk il-jottijiet qrib jew li jkunu diġà daru ma’ Favignana. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport