Saturday, December 28, 2024

ĊAR FEJN TINSAB QALB IŻ-ŻGĦAŻAGĦ

Aqra wkoll

Il-ġimgħa li għaddiet sar id-dibattitu li jsir kull elezzjoni ġenerali ġewwa l-Università ta’ Malta. Dan id-dibattitu dejjem ikun mistenni, mhux biss għax jagħti ċ-ċans li l-mexxeja tal-partiti kollha jsemmgħu leħinhom u jaqsmu l-proposti kollha, imma wkoll għaliex dan id-dibattitu jsir fl-għola istituzzjoni edukattiva tal-pajjiż u dejjem ikun hemm atmosfera partikolari.

Bħalma nagħmel dejjem, segwejt dan id-dibattitu, u ħadt gost nara dak li kellhom x’jgħidu l-mexxeja politiċi. Aktar minn xejn, ikkonfermajt kemm Malta għandna Prim Ministru li mhux biss jitkellem fuq il-proposti, imma li wkoll għandu viżjoni għal Malta fejn kulħadd ikun jista’ jimxi ‘l quddiem. Tant hu hekk, li l-unika kritika li kellu x’jagħmel Bernard Grech dakinhar kienet li jgħid li l-Prim Ministru jitkellem iżżejjed fuq il-futur. Umbagħad wara ftit qalilna li l-Prim Ministru m’għandux viżjoni għall-futur. 

Ngħiduha kif inhi, ma tantx issorprendejt ruħi li nara l-Kap tal-Oppożizzjoni jgħid affarijiet dijatrikament opposti, għaliex issa drajnieħ dan l-operat. Is-sena li għaddiet qalilna li Malta m’għandniex ninvestu fin-nies, għaliex inkella nkunu qegħdin niddejnu. Issa qed jgħid li jrid jonfoq iżjed, u li għaldaqstant irid jiddejjen iżjed. Bħalma nagħmlu dejjem, nagħmlu tajjeb jekk dak kollu li joħroġ minn ħalq Bernard Grech u minn ħalq il-PN nieħduħ fuq demm id-dars, għaliex filwaqt li aħna dak li ngħidu nwettquħ, ħaddieħor sal-kliem biss jasal, u ġieli anqas kliemu ma jkun diċenti. Ngħid hekk għaliex anke nhar il-Ħamis li għadda, fl-isfond tad-dibattitu li sar, deher biċ-ċar fejn tinsab qalb iż-żgħażagħ u qalb l-istudenti tal-Università. Deher biċ-ċar lil min jemmnu u lil min iridu li jmexxi pajjiżhom.  F’laqgħat oħra li kelli maż-żgħażagħ, inkluż fi djarhom, smajt il-ħsibijiet tagħhom ukoll.

Ħafna forsi jgħidu li dan id-dibattitu kien wieħed fejn l-udjenza jaf kellha tkun naqra aktar kwieta. Dawk li jafuni, jafu li jiena persuna li ma tantx inħobb nagħmel ħoss u paniku. Madanakollu, meta rajt kif wieġbu l-mexxeja, ma stajtx ma nifimx aħjar għaliex kien hemm mumenti fejn dawn l-istudenti ċapċpu ħafna, u mbagħad mumenti oħrajn fejn urew biċ-ċar li ma jaqblux. Naturalment, nassumi li kulħadd ra dan id-dibattitu, u li allura kulħadd kapaċi jasal għall-konklużjonijiet tiegħu. 

Min-naħa tagħna nibqgħu naħdmu u nipparteċipaw f’dibattiti oħrajn. Fadal biss ġimgħa u nofs għall-elezzjoni, u għaldaqstant ma nistax ma nappellax lill-qarrejja u lill-Laburisti kollha biex nibqgħu naħdmu u nistinkaw ħalli nħeġġu n-nies jivvutaw. Jekk dan nagħmluħ b’mod effiċċjenti, persważ li ser ikollna rebħa kbira oħra laburista. Malta, il-futur sabiħ. Inselli għal kulħadd.

Ekonomija

Sport