Saturday, December 28, 2024

Carer mal-Gvern ħatja li serqet lill-anzjana li kienet tmur tnaddfilha u toħroġha

Aqra wkoll

“Hi abbużat bl-ardir kollu mill-fiduċja li kellha fiha persuna anzjana u vulnerabbli li kienet tgħix waħedha u kienet evidentement tiddependi mill-istess Rasha biex iżżommilha kumpanija kif ukoll tnaddaf ġo darha. Aġir bħal dan huwa kundannabbli bl-iktar mod iebes għax ma jagħmel xejn ħlief jittrawmatizza lill-iktar membri vulnerabbli tas-soċjetà tagħna u jimminalhom is-sens ta’ sigurtà ġewwa djarhom stess”.

Dan iddikjaratu l-Qorti hekk f’sentenza fejn carer bl-isem ta’ Rasha instabet ħatja li serqet lil anzjana li kienet tmur tnaddifilha u toħroġha.  Mis-sentenza tal-Qorti u jirriżulta li l-anzjana Paola Bonnici xehdet li hi għamlet rapport lill-Pulizija għax ċertu Rasha  kienet serqitilha d-deheb kollu tagħha minn ġor-residenza tagħha u ddeskriviet diversi oġġetti tal-ġojjellerija li sabet neqsin, fosthom giżirajjen, ċrieket u ċpiepet. Hi spjegat li kienet iżżomm id-deheb fis-sitting room ġewwa r-residenza tagħha għax hi dejjem tkun f’dik il-kamra u għalhekk kien ikun taħt għajnejha meta kienu jiġu jnaddfulha. Spjegat li meta kienet applikat mal-gvern kienu bagħtulha lil Rasha biex tnaddfilha d-dar darba fil-ġimgħa iżda wara, bdiet tqabbadha wkoll privatament biex tagħmillha l-qadi kif ukoll biex iżżommilha kumpannija u dan bi ħlas. Qalet li bdiet tissuspetta li ġiet misruqa għax meta ċemplet lill-imputata biex tara meta kienet ser terġa’ tiġi biex tnaddfilha, ma weġbithiex u meta kienu miftiehmin li toħroġha fil-jum tal-Milied, baqgħet ma tfaċċatx. Hi xehdet dwar episodju li ġara fejn hi u Rasha ħarġu jieklu flimkien. Qalet li Rasha marret għandha d-dar u peress li kellha tibqa’ tistenniha sakemm tinħasel u tilbes, ħadet il-kaxxa tad-deheb magħha fil-kamra tas-sodda sakemm ħarġu. Qalet li kif ġew biex joħorġu, talbet lil Rasha biex iddawritilha ċ-ċavetta tal-bieb ta’ barra u meta reġgħu daħlu d-dar iktar tard, Rasha daħħlitilha l-walker u qaltilha li mhux ser iddum u mbagħad telqet. Għalkemm kienu miftehmin li Rasha tmur tnaddaf għandha s-Sibt ta’ wara u li toħroġha f’jum il-Milied. Rasha baqgħet ma tfaċċatx u għalkemm l-anzjana ippruvat tagħmel kuntatt magħha, l-imputata ma kellmithiex lura. Kien is-Sibt ta’ wara jiġifieri fid-19 ta’ Diċembru tas-sena 2018 li indunat li d-deheb kien insteraq u dan meta marret iġġib id-deheb biex tpoġġih fil-wall unit u ma sabet xejn lanqas il-kaxxa tad-deheb innifsiha. Ix-xhud affermat illi bejn id-19 ta’ Diċembru 2018 meta Rasha kienet marret għandha, u s-Sibt ta’ wara meta ntebħet bis-serqa, ħadd iktar ma kien daħal f’darha u l-imputata kienet l-aħħar persuna li daħlet għandha. Ċaħdet li kienet tat iċ-ċavetta tad-dar tagħha lil Rasha.. 

Il-Qorti osservat li kienet Rasha kienet il-carer ta’ Paola Bonnici għax kienet ġiet ingaġġata minnha biex tagħmel xogħol ta’ qadi u tindif kif ukoll biex toħroġha kull tant żmien u dan bi ħlas. Qalet li Paola Bonnici  dejjem insistiet li tħallas lil Rasha għal kull darba li tmur għandha meta hija ingaġġatha privatament. Irriżulta li Rasha nstabet ħatja qabel ta’ zewg reati oħrajn – wieħed minnhom serq – f’perjodu ta’ inqas minn sena. Huwa evidenti li Rasha ma għarfitx tużufruwixxi mill-opportunitajiet li ngħatawlha mill-qrati sabiex tirriforma ruħha, u minflok qabdet it-triq it-tajba, għażlet li tkompli tikser difrejha mal-liġi. Qalet li kellha dipendenza fuq id-droga kannabis. Ġie spjegat li hu minnu li Rasha ipprovat  titbiegħed mill-użu ta’ din id-droga u sabet impjieg fuq bażi fultajm li kien jinvolvi sigħat ta’ xogħol intensivi. Qalet li Rasha baqgħet taħdem fuq bażi regolari u jidher li kienet qiegħda tgħix ħajja ferm iktar stabbli minn dik li evidentement kienet qiegħda tgħix fiż-żmien meta wettqet is-serq.

Il-Qorti qalet li Rasha regolarment naqset milli żżomm kuntatt idoneu mal-Uffiċjal tal-Probation u milli tattendi għall-appuntamenti li kienu jiġu skedati għall-fini tas-superviżjoni tagħha inkluż sabiex jittieħdu l-kampjuni meħtieġa b’rabta mal-użu tad-droga u sustanzi illeċiti, kif ukoll sabiex jingħatalha direzzjoni biex tindirizza r-rabja li ġiet identifikata bħala problema li kienet teħtieġ l-intervent ta’ psikologu. Kemm hu hekk, wara li rat l-atteġġjament sistematiku ta’ Rasha li rreżistiet l-implimentazzjoni u twettiq effettiv tas-superviżjoni tagħha u ma ħallietx ukoll li jingħata lill-Qorti aġġornament finali dwar iċ-ċirkostanzi soċjali u oħrajn tagħha,  il-Qorti kienet revokat l-Ordni ta’ Superviżjoni Provviżorju għaliex qieset li b’dak l-atteġġjament, Rasha ma kienetx interessata fir-riforma tagħha. 

Fis-sentenza tagħha l-Qorti qalet li ma tistax twarrab il-gravità tar-reati minn Rasha u l-fatt li hi abbużat bl-ardir kollu mill-fiduċja li kellha fiha persuna anzjana u vulnerabbli li kienet tgħix waħedha u kienet evidentement tiddependi mill-istess Rasha biex iżżommilha kumpannija kif ukoll tnaddaf ġo darha. Aġir bħal dan huwa kundannabbli bl-iktar mod iebes għax ma jagħmel xejn ħlief jittrawmatizza lill-iktar membri vulnerabbli tas-soċjetà tagħna u jimminalhom is-sens ta’ sigurtà ġewwa djarhom stess – effett li f’dan il-każ il-Qorti rriskontrat f’Paola Bonnici meta ratha u semgħetha tixhed quddiemha permezz ta’ link bil-vidjo-konferenza.  Fis-sentenza tagħha l-Qorti tat Ordni ta’ Probation għal żmien tlett snin.

Ekonomija

Sport