Monday, May 13, 2024

Caritas b’sejħa ta’ emerġenza … tappella għal donazzjonijiet b’risq il-poplu Marokkin u dak Libjan

Aqra wkoll

Fuq talba tal-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex, Caritas Malta qed tappella għal donazzjonijiet ta’ flus b’risq il-poplu tal-Marokk u l-Libja, li ntlaqtu minn terremot u għargħar rispettivament fil-jiem li għaddew. Dan il-ġbir qed isir b’kollaborazzjoni ma’ Caritas Internationalis u bl-għajnuna diretta ta’ Mons. Sandro Overend Rigillo OFM, Isqof tal-Vigarjat Appostoliku ta’ Bengażi fil-Libja.

Din hi waħda mill-inizjattivi li l-Knisja f’Malta qed tieħu biex tipprovdi għajnuna umanitarja lill-popli tal-Marokk u l-Libja.

Iċ-ċentru tal-Marokk intlaqat minn terremot fit-8 ta’ Settembru fil-11:11pm, l-iktar terremot b’saħħtu f’dan il-pajjiż mill-1900. It-terremot ta’ 6.8 fuq l-iskala Richter qatel ’il fuq minn 3,000 persuna u kkawża bosta ħsarat fin-Nofsinhar tal-pajjiż.

Fil-11 ta’ Settembru, il-belt kostali ta’ Derna fil-Libja ntlaqtet minn għargħar qawwi wara li ċedew żewġ digi minħabba xita qawwija. In-numru tal-imwiet laħaq 11,300 waqt li għadhom għaddejjin l-isforzi ta’ tfittxija. Hemm 10,000 persuna rrappurtati nieqsa f’din il-belt. L-għargħar ħasad familji sħaħ u qatel ukoll madwar 170 persuna f’postijiet oħra fil-pajjiż.

Caritas Malta qed tappella għad-donazzjonijiet biex tingħata l-assistenza tant meħtieġa f’dawn il-pajjiżi. Dawn jistgħu jsiru f’dawn il-kontijiet bankarji:

HSBC: MT22MMEB44897000000089021513051
BOV: MT78VALL22013000000040023270071
APS: MT31APSB7704600089010489011015

Għal min juża l-internet banking ta’ dawn il-banek jista’ wkoll juża l-faċilità ‘Transfer to Third Party’. Min jagħmel użu mill-BOV Mobile App jista’ jibgħat donazzjoni permezz tal-funzjoni ‘Pay a Bill’u fid-deskrizzjoni jikteb ‘Marokk u Libja’.

Id-donazzjonijiet jistgħu jintbagħtu wkoll b’ċekk (iċ-ċekkijiet aċċettati mill-banek iridu jkunu ta’ €20.01 jew aktar) pagabbli lil Fondazzjoni Caritas Malta – Emergency Aid Fund, indirizzat lil: Caritas Community Centre, Emergency Aid Commission, Triq Mountbatten, il-Ħamrun, ĦMR 1577. Wieħed jista’ wkoll iħalli personalment id-donazzjoni tiegħu f’Caritas Community Centre, Triq Mountbatten, il-Ħamrun. Id-donazzjonijiet jistgħu jingħataw ukoll lill-kappillani fil-parroċċi li mbagħad jingħaddew lil Caritas Malta.

Min jixtieq iktar tagħrif dwar kif jista’ jgħin lill-Marokk u l-Libja jista’ jċempel fuq 22199000.

Sport