F’quddiesa li kkonċelebra lbieraħ fi Pjazza San Pietru fil-Vatikan, il-Papa Ljun XIV iddikjara bħala qaddisin lil Carlo Acutis u Pier Giorgio Frassati.
Fl-omelija tiegħu, il-Papa qal li dawn iż-żgħażagħ fittxew id-don tal-għerf biex jifhmu aħjar il-pjanijiet ta’ Alla għal ħajjitna u d-dinja, u segwewhom b’fedeltà. U billi għamlu dan, użaw id-doni tagħhom biex iressqu lil ħaddieħor lejn Alla permezz tal-eżempju, il-kliem u l-azzjonijiet tagħhom.
Carlo Acutis (1991–2006) kien adolexxenti Taljan magħruf għall-fidi soda tiegħu u l-imħabba lejn l-Ewkaristija. Minkejja li għex f’era diġitali, huwa uża t-teknoloġija biex ixandar il-Vanġelu u jippromwovi d-devozzjoni lejn il-Quddiesa u l-Adorazzjoni Ewkaristika. Kien magħruf għall-ġenerożità tiegħu lejn il-foqra u l-emarġinati, u għall-kapaċità li jġib ħbieb u sħabu eqreb lejn Alla b’mod sempliċi u ħaj.
Acutis miet fl-età ta’ 15-il sena b’leukemia aggressiva, iżda l-eżempju tiegħu baqa’ ħaj. Huwa jinsab midfun fil-Knisja ta’ Assisi.
Frattasi kellu 24 sena meta miet fl-4 ta’ Lulju 1925 kawża tal-polio. Huwa kien magħruf għall-għajnuna lil dawk fil-bżonn fosthom il-foqra u l-morda. Il-fdalijiet tiegħu jinsabu fil-Katidral ta’ Turin, il-belt fejn twieled.