Thursday, October 2, 2025

Carlo Gavazzi, GWU u UHM jilħqu ftehim dwar it-tranżizzjoni tal-ħaddiema

Aqra wkoll

Carlo Gavazzi Limited, il-General Workers’ Union (GWU) u l-UHM Voice of the Workers illum ħabbru li laħqu ftehim komprensiv dwar il-pakkett ta’ kumpens għall-impjegati kollha affettwati mit-tmiem tal-operat tal-kumpanija f’Malta.

Fit-29 t’Awwissu, il-kumpanija multinazzjonali bbażata fl-Iżvizzera ħabbret għeluq gradwali tal-impjant tagħha fi Bulebel, liema għeluq ser jolqot il-forza tax-xogħol kollha – jiġifieri 140 impjegat.

Dan il-ftehim intlaħaq wara perjodu ta’ negozjati intensivi iżda kostruttivi, li wasslu għal konklużjoni pożittiva għal kull naħa. Il-ftehim jistabbilixxi qafas finanzjarju ġust u sinifikanti li jagħraf is-snin twal ta’ servizz leali tal-impjegati, filwaqt li jagħti wkoll lill-kumpanija l-istabbiltà meħtieġa biex tagħlaq l-operat lokali tagħha b’mod ordnat.

Jean-Marc Théolier, Kap Eżekuttiv tal-Grupp Carlo Gavazzi, qal: “Id-deċiżjoni li nagħlqu l-impjant tagħna f’Malta wara ħafna snin ta’ suċċess kienet waħda diffiċli ħafna. Il-prijorità tagħna mill-bidu kienet li mmexxu din it-tranżizzjoni bl-akbar rispett lejn l-impjegati dedikati tagħna. Aħna sodisfatti li permezz ta’ djalogu soċjali professjonali mal-GWU u l-UHM, stajna nistabbilixxu qafas ġust li jonora l-wirt tat-tim tagħna. Nirringrazzjawhom għall-kontribut kbir li taw lil Carlo Gavazzi tul is-snin.”

Imwaqqfa f’Malta fl-aħħar tas-snin tmenin, Carlo Gavazzi ilha pedament importanti fis-settur tal-manifattura fil-pajjiż għal bosta snin. Il-prodotti tal-kumpanija jintużaw fl-awtomazzjoni industrijali u fl-awtomazzjoni tal-bini.

David Darmanin, Segretarju tas-Setturi tat-Teknoloġija, Elettronika u Komunikazzjoni fi ħdan il-GWU, ikkummenta: “Wara l-inċertezza inizjali, l-attenzjoni tagħna dejjem kienet li niżguraw sigurtà finanzjarja dinjituża u sinifikanti għal kull ħaddiem. Wara negozjati iebsa iżda ġusti, irnexxielna niksbu ftehim li jagħraf is-snin twal ta’ servizz leali li taw il-membri tagħna. Dan il-pakkett jipprovdi sigurtà u rispett li jistħoqqilhom hekk kif jgħaddu għal opportunitajiet ġodda.”

Isabelle Farrugia, Assistant Director tal-UHM Voice of the Workers, żiedet tgħid: “Dan kien sforz kollettiv biex nipproteġu l-interessi tal-ħaddiema u l-familji tagħhom. Aħna kuntenti li permezz tal-għaqda u djalogu intensiv irnexxielna niksbu riżultat pożittiv. Il-ftehim jiżgura li l-impjegati kollha, irrispettivament mir-rwol tagħhom, jiġu ttrattati b’ġustizzja u ugwaljanza matul dan il-perjodu diffiċli.”

Il-partijiet kollha jixtiequ jesprimu r-rikonoxximent sinċier tagħhom lill-impjegati u lill-amministrazzjoni għall-professjonalità li wrew matul dan il-proċess. Huma jirringrazzjaw ukoll lill-konsulenti legali rispettivi tagħhom, li l-ħidma tagħhom kienet essenzjali biex dan il-ftehim ikun possibbli.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport