Minn Cristian Muscat
Carlo Mamo huwa wieħed mill-plejers li ħallew marka profonda fil-futbol Malti. Matul karriera twila ta’ 18-il sena lagħab 350 logħba fuq livell għoli u rreġistra suċċessi li ftit plejers irnexxielhom. Rebaħ il-Kampjonat Premier darba ma’ Birkirkara F.C. fis-sena 1999/2000 u mill-ġdid fis-sena 2009/10, u wkoll darbtejn ma’ Sliema Wanderers F.C. fis-snin 2002/03 u 2003/04. L-akbar sodisfazzjon tiegħu, madankollu, kien meta mexxa lil Marsaxlokk F.C. biex jirbaħ l-ewwel titlu fil-mal-klabb fis-sena 2006/07. L-aħħar kapitlu tal-karriera tiegħu sar meta għen lil Pembroke F.C. jiksbu l-promozzjoni għall-Kampjonat Premier fl-istaġun 2014/15, qabel ma rtira mil-logħob attiv.
Iżda il-karriera ta’ Carlo ma waqfitx meta telaq mill-logħob attiv. Fis-sena 2011, flimkien ma’ Malcolm Licari, Gareth Sciberras u Anthony Galea, huma waqqfu l-Malta Football Players Association (MFPA), il-union li tirrappreżenta plejers f’Malta u tipproteġi d-drittijiet tagħhom. L-inizjattiva kienet risposta għal xi sitwazzjonijiet diffiċli ħafna li plejers kienu qed jaffaċċjaw, inkluż plejers barranin li ma kellhomx biex jixtru l-ikel jew biex jgħixu b’kundizzjonijiet minimi. Aħna ħadna l-kummenti ta’ Carlo Mamo dwar l-operat ta’ din l-assoċjazzjoni.
“Rajna diversi plejers li kienu qed jilagħbu fil-kampjonati Maltin u lanqas kienu qed jitħallsu, u xi plejers barranin ma kellhomx biex jixtru l-ikel ta’ kuljum. Kien meħtieġ li nintervjenu għax ma stajniex nibqgħu b’idejna fuq żaqqna,” qal Carlo. “Kellimna lil Anthony Galea, eks-plejer u avukat, u kkonsultajna lil General Workers Union u FiFPRO biex ikollna gwida ċara kif għandna nimxu.
Kont għadni plejer attiv, imma rajna li r-regolamenti hawn Malta kienu differenti min pajjiżi ohra fl-Ewropa fejn kien hawn salary capping u fi tmiem tal-kuntratt tax-xoghol plejer ma setax imur jaħdem ma’ klabb ieħor mingħajr ma jitħallas kumpens ta’ eluf. Bdejna naraw kif nistgħu nbiddlu r-regolamenti u bdejna l-perkors tagħna f’din il-mixja li ovvjament ma kinitx faċli.”
Kif għedna l-isfidi ma kinux żgħar. Carlo spjega li l-MFPA irrappreżentat plejers f’każi kumplessi li spiss kienu jinvolvu plejers żgħażagħ u l-ġenituri tagħhom, kuntratti mhux iffirmati, jew pagamenti mhux imħallsa. “Kellna plejers bħal Matthew Guillaumier li rrappreżentajna biex itemm il-kuntratt tiegħu fil-Greċja riċentement, u plejers oħra bħal Andrew Hogg li kellhom bżonn l-għajnuna tagħna waqt li jilagħbu barra minn Malta wkoll.
Carlo jgħid li l-MFPA jagħti importanza kbira għall-edukazzjoni u s-saħħa mentali tal-plejers. “Ħafna plejers Maltin jaħdmu waqt li jilagħbu, u plejers barranin ħafna drabi ma jaħsbux x’se jiġri wara l-irtirar,” qal Carlo.
L-MFPA toffri sessjonijiet b’xejn fil-klabbs dwar saħħa mentali, anti-doping, match-fixing u first aid. Illum il-ġurnata, żewġ psikologi sportivi huma disponibbli kontinwament biex jgħinu lill-plejers u joffru appoġġ mentali u emozzjonali.
Relazzjoni tal-MFPA ma’ klabbs u awtoritajiet sportivi matul iz-zmien inhossu li dejjem qeghda tmur il-quddiem. “Illum għandna vuċi fuq l-Eżekuttiv tal-MFA, fejn hemm ukoll rapprezentazzjoni ta’ stakeholders differenti fosthom klabbs, amateur leagues, kowċis, futbol tan-nisa, futsal u youth football fost ohrajn. L-MFPA ħadmet ukoll fuq servizzi ġodda għall-plejers, inkluż sistema ta’ data u video clips tal-logħob kollu, li tippermetti li każijiet u prestazzjoni jiġu monitorati b’mod preċiż.
Carlo spjega wkoll li l-MFPA qed jinvesti fil-futur tal-plejers. Fix-xhur li ġejjin se jiġu żviluppati ħames moduli akkreditati dwar kif tindirizza l-media, doping, match-fixing, drittijiet tal-plejers u financial literacy. Ma dawn ha jibqa jsir il-kors tal-ingliż għal ghal plejers u kowċis barranin. “Dawn il-lezzjonijiet se jgħinu lill-plejers biex ikunu aktar infurmati u jistgħu jindirizzaw sitwazzjonijiet diffiċli kemm fuq il-pitch kif ukoll barra minnu,” qal Carlo.
“L-għan tagħna huwa li kull plejer, kemm jekk hu żgħir jew esperjenzat, ikun jaf x’jista’ jistenna u kif għandu jirreaġixxi f’sitwazzjonijiet diffiċli,” qal Carlo. Dawn il-laqgħat isiru fil-klabbs u jinkludu workshops b’xejn, sessjonijiet ma’ sports psychologists u informazzjoni prattika biex il-plejers ikunu protetti u lesti għall-futur tagħhom, kemm fuq il-pitch kif ukoll barra minnu.
Carlo Mamo ma kienx biss plejer kbir fuq il-pitch, iżda mexxa l-MFPA b’passjoni u dedikazzjoni li ħalliet impatt pożittiv fuq il-futbol Malti kollha. Huwa jgħid li kollox jirriżulta minn passjoni għal dan l-isport u li ġej mingħand kulħadd fosthom plejers, klabbs, awtoritajiet u partitarji u dan kollu jimxi flimkien ‘l quddiem b’saħħa, edukazzjoni u ġustizzja.
Illum, Carlo Mamo huwa simbolu ta’ kif karriera li kellu fil-grawnd tista’ twassal għal impatt profond barra l-logħba, billi jipproteġi l-futur tal-plejers kollha f’Malta u jagħti eżempju ta’ mexxej impenjat u b’viżjoni ċara.

