Issa huwa għal kollox ikkonfermat li l-eks Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi kien qed jigdeb meta allega li d-Deputat Laburista Carmelo Abela kien involut f’hold-up fuq bank ewlieni f’pajjiżna. Iddikjara dan il-Partit Laburista fi stqarrija.
Il-Qorti tal-Appell dalgħodu ssiġillat id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Maġistrati li turi kif l-allegazzjoni tal-eks Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi ma kienet xejn għajr kalunja.
Wara li fit-30 ta’ Settembru l-Ewwel Qorti kkonkludiet li Jason Azzopardi kien qabad u fajjar bl-addoċċ, l-eks Deputat Nazzjonalista kien appella fejn qal li saret inġustizzja miegħu għaliex dak li kien esprima kienet “opinjoni onesta”.
Illum, permezz ta’ sentenza iebsa, il-Qorti tal-Appell qalet li Jason Azzopardi bbaża ruħu fuq artikli fil-gazzetti dwar dak li kien qed jiġi allegat fid-dinja tal-kriminalità organizzata u li fil-fehma tal-Qorti din “ma tista’ qatt tkun il-bażi sabiex tiġi ffurmata l-ebda opinjoni onesta”.
Il-Qorti tal-Appell staqsiet “x’onestà hija dik ta’ min ixandar bħala fatt dak li kienu qegħdin jallegaw persuni b’record kriminali kopjuż”, mingħajr ma jistqarr bl-aktar mod ċar li dak li kien iddikjara “kienu biss allegazzjonijiet li saru mill-istess kriminali”.
Bil-gideb tiegħu, Jason Azzopardi kien xeħet dell inġust fuq Carmelo Abela u għadda lil Abela u lill-għeżież tiegħu minn martirju sħiħ.
Din is-sentenza tikkonferma kemm il-Partit Nazzjonalista jagħti kenn u jilqa’ fi ħdanu lil min f’pajjiżna jaħseb li għandu dritt divin li jaqbad jivvinta fuq in-nies.
Mhux ta’ b’xejn li l-Partit Nazzjonalista llum huwa fl-istat li jinsab – immexxi mill-estremisti li lesti jirrikorru għall-agħar tattiċi ta’ kattiverija biex jippruvaw jirbħu lura l-poter li tant jgħixu għalih.
Illum għandna konferma sagrosanta – Carmelo Abela huwa politika integru, il-Partit Nazzjonalista spiċċa għaqda ta’ gideb.