Saturday, December 21, 2024

Carmelo u Jason

Aqra wkoll

Konvint li kif tisma’ jew taqra l-ismijiet CARMELO u JASON jiġuk quddiem għajnejk żewġ persuni partikolari, CARMELO ABELA u JASON AZZOPARDI. It-tnejn servew bħala Ministri, b’tal-ewwel bħala parti minn amministrazzjoni Laburista u tat-tieni fuq in-naħa ta’ amministrazzjoni Nazzjonalista. Carmelo Abela għadu sal-lum iservi bħala Deputat Parlamentari, imma mhux hekk Jason Azzopardi. L-elettorat Nazzjonalista warrab kompletament lil Jason Azzopardi. Sfiduċjah waħda nobis. Ħadha bi kbira ħafna li ġie sfiduċjat bil-mod li bih ġie sfiduċjat u rriżenja mill-Partit Nazzjonalista.

Imma ċertament li jiġuk quddiem għajnejk b’riżultat tal-proċeduri li fetaħ fil-Qorti Carmelo Abela kontra Jason Azzopardi wara li dan tal-aħħar kien implikah f’wieħed mill-akbar reati kriminali li saru f’pajjiżna. Ftit tal-jiem ilu, wara tul mhux ħażin fil-Qorti Carmelo Abela rebaħ il-każ. Mhux se nidħol fil-mertu ta’ x’ordnat il-Qorti fil-konfront ta’ Jason Azzopardi. Għalija ammont ta’ flus li għal dak li għadda minnu Carmelo Abela u familtu tista’ tiddeskrivih biss bħala ‘karawetta’.

Imma llum mhux dak il-punt li nixtieq nagħmel. Li xtaqt nitratta hija r-reazzjoni għad-deċiżjoni tal-Qorti minn ċertu angolu. Ħallejt it-trab joqgħod apposta. Biex nara x’tip ta’ reazzjoni jkun hemm. Biex inkun nista’ inqabbel l-irwiefen li tqajmu meta Jason Azzopardi għamel l-akkuża li għamel fil-konfront ta’ Carmelo Abela, mal-irwiefen wara d-deċiżjoni tal-Qorti li kkundannat lil Jason Azzopardi għal għemilu.

Ma kellix għalfejn nistenna daqs kemm stennejt biex it-trab jogħqod. Ma tantx kien qawwi r-riħ biex itajjar it-trab! Immutaw dawk KOLLHA li rikbu fuq l-akkuża li kien għamel Jason Azzopardi. Sempliċiment rapport tad-deċiżjoni tal-Qorti u barra bid-daqq. U la ħafna ġiri wara dak u l-ieħor biex jirriżenja minn hawn u minn hemm. U la ħafna organizzar ta’ protesti quddiem Kastilja. U la kartelluni fl-idejn. Xejn minn dan.

Ma jidhirlix li rajt xi forma ta’ analiżi ta’ x’fissret fuq Carmelo Abela u familtu malafama bħal dik li saritlu. Ma rajtx pampaluni jidħlu fiż-żarbun ta’ Carmelo Abela u familtu qabel ħadu rikba minn fuq dak li allega Jason Azzopardi. Mhux talli ma daħlux fiż-żarbun ta’ Carmelo Abela u familtu talli aggravaw l-akkuża li kien għamillu Jason Azzopardi.

U addio s-saħħa mentali li tant nippriedkaw fuqha! X’jimpurtahom minn x’hiex għaddew lil Carmelo Abela u familtu. X’jimpurtahom minn dak li għaddew minnu Carmelo Abela u familtu fil-kwiet ta’ darhom. X’jimpurtahom li setgħu kissru familja. Jidher li kien hemm min kejjel b’xibru fejn jirrigwarda tkissir ta’ familji.

Hemm ħafna tagħlimiet x’jittieħdu minn dan il-każ.

Għandu jkun stabbilit terminu li fih il-Qorti tiddeċiedi? Għandu jkun hemm deterrent eħrex biex ma jitwaddabx tajn kif ġieb u laħaq?

Għandna nibqgħu bis-sistema li ma’ kull allegazzjoni l-persuna konċernata twarrab jew titwarrab mill-kariga li tkun fiha? Għandha tibqa’ tkun perikolata karriera, tkun xi tkun il-karriera u mhux bilfors dik politika, ta’ xi ħadd għax ikun hemm min jidhirlu li għandu jħammeġ lil dak jew lill-ieħor? Għadna ma xbajniex nisimgħu u ninvestigaw akkużi fil-konfront ta’ dak jew l-ieħor biex imbagħad dak allegat ma jirriżultax u barra bid-daqq? Allura sewwa li nħallu lil min jinqeda b’ħafna legaliżmi u teoriji l-aqwa li t-tir ikun intlaħaq?

Nistħajlek qiegħed tistaqsini għal liema tir qed nirreferi. Sempliċi t-tweġiba ħanini: li nirrovinalek futur. Ma tafx li ebda kumpens ma jista’ jpatti għall-opportunitajiet li jkunu intilfu kawża tat-tajn li jkun twaddab? Ma tafx li bniedem stajt tkun kissirtu fiżikament u mentalment? Ma tafx li stajt tkun irrovinajtlu familja minn diversi angoli? Meta se naraw li se jitwaqqfu dawn it-tip ta’ ħniżrijiet?
[email protected]

Ekonomija

Sport