Wednesday, July 23, 2025

Catalin Botezatu … mhux biss diżinjatur iżda wkoll forza kreattiva

Aqra wkoll

Ħafna jassoċjaw id-dinja tal-moda ma’ xinxilli, sfilati, u ħwejjeġ għal fuq il-catwalk. Imma għal Catalin Botezatu, il-moda hi ħafna aktar minn hekk. Għalih din l-arti hija forma ta’ espressjoni personali, ta’ kultura, u ta’ identità. Huwa mhux meqjus biss bħala diżinjatur tal-moda, imma wkoll ikona fl-istili li joħloq, komunikatur emozzjonali u anke viżjonarju li rnexxielu jdawwar il-kreattività tiegħu f’dan il-qasam f’imperu internazzjonali.

Catalin Botezatu twieled f’Alexandria, belt żgħira fir-Rumanija u beda l-karriera tiegħu b’passi ċkejknin imma ambizzjużi. Hekk kif jinsab f’Malta biex jieħu sehem f’avveniment tal-moda, din il-gazzetta ħaditlu l-kummenti tiegħu dwar l-evoluzzjoni li għadda minnha.

Iżda minn fejn beda kollox speċjalment l-imħabba tiegħu lejn il-moda?

“Bdejt bħala mudell, imma dejjem ħlomt li nkun jien dak li joħloq il-ħwejjeġ, mhux biss li nilbishom,” stqarr fil-konversazzjoni li kellna miegħu waqt iż-żjara tiegħu f’Malta għal International Fashion Island 2025. “Kont student tal-Liġi, imma qalbi kienet dejjem qed tħabbat iktar għall-arti u l-moda.”

Il-passi tiegħu ħaduh lejn Milan, meqjusa bħala l-belt tal-moda Ewropea, fejn studja fl-Istitut Ewropew tal-Moda u ħadem taħt Gianfranco Ferré. Imma kienet l-esperjenza tiegħu fl-atelier ta’ Gianni Versace li bidlitu għal dejjem. “Versace ma kienx biss diżinjatur iżda kien artist komplet. Minn koreografija, għal dawl, sal-immaġini tiegħu, kien jieħu ħsieb kollox. Tgħallimt ħafna mingħandu u dejjem se nibqa’ nara fih bħala dak il-bniedem li tgħallimt ħafna mingħandu.”

Meta rritorna lejn pajjiżu, Botezatu waqqaf l-ewwel atelier tiegħu fi Cluj-Napoca. Fis-snin 90, kien meqjus bħala l-ewwel diżinjatur professjonali fir-Rumanija wara l-waqgħa tar-reġim komunista. Kien żmien ta’ sfidi kbar, imma Botezatu b’viżjoni ċara u enerġija bla qies ħadem biex jibni marka tiegħu stess f’soċjetà li kienet għadha qed tiftaħ għall-kultura tal-punent.

Il-kollezzjonijiet tiegħu, kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel, bdew jidhru f’wirjiet f’New York, Parigi, Ruma, Istanbul u Monte Carlo. Il-firma tiegħu hija l-kumbinazzjoni perfetta bejn klassi Ewropea u senswalità moderna. Drapijiet ta’ kwalità għolja, silhouettes qawwija, u kuluri vibranti – dawn huma l-marki tad-disinn tiegħu.

“Irrid li n-nies iħossuhom speċjali meta jilbsu ħwejjeġ tiegħi,” qal. “Il-moda m’għandhiex tkun biss sabiħa iżda għandha tagħmlek tħossok b’saħħtek.”

Wieħed mill-proġetti l-aktar personali għal Botezatu huwa VIGGO – marka għall-moda tal-irġiel li tgħaqqad maskilità b’eleganza. “Manhood, personality and elegance,” hekk iddefinha hu. Preżentaha b’mod grandjuż f’Cluj-Napoca, f’wirja organizzata fil-Grand Hotel Italia.

“L-irġiel moderni għandhom ikunu kurjużi, eleganti u b’karattru. VIGGO huwa rigal għal dawk l-irġiel li jifhmu l-valur tal-preżenza u l-kuxjenza tad-dehra tagħhom.”

Il-preżenza ta’ Botezatu f’Malta matul dawn il-jiem għal International Fashion Island kienet waħda speċjali ħafna. “Kont hawn 15-il sena ilu,” qalilna. “Kelli wirja tajba ħafna dak iż-żmien, imma dik kienet l-ewwel darba. Issa, qed nara din l-esperjenza b’għajnejn ġodda.”

F’konferenza tal-istampa ġewwa The Pavilion Gastro Pub f’Raħal Ġdid, Botezatu laqa’ mistednin b’umiltà u karizma. Tkellem dwar il-valur tal-kollaborazzjoni, l-importanza li jiġu promossi diżinjaturi ġodda, u kif il-moda tista’ tkun forza li tgħaqqad kulturi differenti.

“In-nies hawn f’Malta għandhom sens ta’ stil, u dan l-avveniment huwa pass importanti biex il-gżejjer jiġu rrappreżentati f’livell internazzjonali. Għalija huwa unur li nkun parti minn din l-ewwel edizzjoni.”

Botezatu mhux biss jagħmel sfilati fi bliet kapitali tal-moda, iżda jħobb jesperimenta b’affarijiet mhux konvenzjonali. “Kelli ġbid ta’ ritratti ġewwa l-piramidi tal-Luxor, fi New York, f’Iceland, Bali… għalija l-moda tista’ ssir kullimkien – f’lukanda tal-lussu jew f’tempju antik.”

Imma l-istorja ta’ Botezatu mhijiex kollha suċċess u moda. Huwa għadda minn esperjenzi personali diffiċli, inkluża battalja kontra l-kanċer u kirurġiji delikati. “L-iktar ħaġa importanti hi li ma tiqafx taħdem,” qal. “Anke meta ġismek qed jgħidlek biex tieqaf, il-passjoni trid tirbaħ.”

Il-ħidma tiegħu fil-karità hija wkoll impressjonanti. Jappoġġja diversi kawżi relatati ma’ tfal, edukazzjoni u saħħa, u jemmen li d-dinjità u s-sens ta’ stil għandhom ikunu aċċessibbli għal kulħadd.

Meta staqsejnieh dwar il-futur, id-diżinjatur ma wera l-ebda dubju: “Nixtieq inħalli marka f’Malta wkoll. Dan il-pajjiż għandu potenzjal kbir u nies b’talent. Għalija jkun sabiħ li, fi ftit snin oħra, inkun qed nagħti sehem aktar f’din il-komunità kreattiva.”

Tlabnih ukoll li jgħaddi messaġġ lil dawk it-tfal u ż-żgħażagħ li jixtiequ jaqbdu karriera ta’ suċċess bħal tiegħu.

“Ħdimt ħafna. Kelli fabbriki b’erba’ mitt ħaddiem impjegati, lukandi, ristoranti, klabbs. Ħdimt fil-Moldova, Pariġi, Rumanija. Iżda importanti tkun taf li għalkemm il-ħidma tagħtik ħafna flus, trid ukoll tkun umli u tagħraf li kulħadd għandu bżonn għajnuna.”

Lil dawk li qed jibdew fid-dinja tal-moda, iwassal messaġġ qawwi: “Tieqfu qatt toħolmu, aħdmu qatigħ iżda tinsewx tgawdu. Għax il-moda hija bħala ħajja; festa ta’ kuluri, emozzjonijiet u ħajja.”

Catalin Botezatu mhux biss diżinjatur iżda wkoll huwa forza kreattiva. Wara snin ta’ esperjenzi, sfidi u suċċess, għadu jfakkarna li l-istil mhux biss dak li nilbsu, imma kif ngħixuh. B’dan il-messaġġ, ħalla marka fil-qlub ta’ dawk kollha li attendew International Fashion Island u Malta issa żżomm ġrajja oħra memorabbli fil-kalendarju tal-moda tagħha.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport