Saturday, November 23, 2024

CCTV cameras u multi eħrex kontra r-rimi ta’ skart; Proġett ġdid ta’ parkeġġ fl-Għadira se jitħabbar fis-sigħat li ġejjn

Aqra wkoll

Il-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli iddikjarat fil-Parlament li se jiżdiedu kemm is-CCTV cameras kif ukoll il-multi għal dawk li jinqabdu jarmu skart barra.

Bl-użu tal-frażi “ħa ninżlu fuqkom” hija wissiet lil dawk li qed jarmu l-iskart f’postijiet pubbliċi nkluż fil-kampanja u saħqet li inutli noqgħodu nirreklamaw mixjiet fil-kampanja mal-barranin jekk ikollna nies irresponsabbli li jarmu barra.

Hija saħqet li ma jistax ikun li l-ħaddiema mid-dipartiment tat-tindif, li jaqa’ taħtha u taħt is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista, joqgħodu jnaddfu u jkun hemm nies jerġgħu jarmu għax jirraġunaw li l-post se jerġa’ jitnaddaf.

Fl-istess waqt semmiet kif kien kien hemm residenti li bagħtu filmati ta’ abbużi u kien grazzi għalihom li l-Pulizija identifikat min rema skart barra u ħadet passi fil-konfront tagħhom.

Dwar it-tindif b’rabta mal-Covid19 hija qalet li ġew iffumigati 54 lokalita, b’dawk fejn ikun hemm ammont kbir ta’ nies anke darbtejn fil-ġimgħa, fejn tnaddfu 54,000 kilometru ta’ bankini nkluż il-‘pelican lights’ u ‘bus shelters’.

Farrugia Portelli semmiet kif anke l-bajjiet se jitnaddfu aktar ta’ sikwit waqt li ħeġġet lil dawk li jmorru fihom biex iżommu żewġ metri minn nies oħra waqt li rrimarkat li l-Gvern ma jridx stat polizjesk.

B’rabta mal-bajjiet il-Ministru għat-Turiżmu ħabbret li fis-siegħat li ġejjin se jitħabbar proġett ta’ parkeġġ fl-Għadira fejn semmiet li l-investiment se jkun “maġġuri” b’fondi mill-eko-kontribuzzjoni.

Dwar l-aħħar rilaxx ta’ miżuri qalet li kienu madwar 800 il-persuni li ċemplu fuq il-‘hotline’ tal-Awtorita Maltija tat-Turiżmu (MTA) fejn talbu li jkunu ċertifikati ħalli jiftħu l-ħwienet tagħhom.

Fir-rigward ta’ reklamar turistiku hija semmiet kif qed isir ‘marketing’ ta’ siti storiċi biex iħajjar turistiċi jiġu Malta u jżuruhom kif ukoll qed tħares lejn it-turiżmu reliġjuż waqt li sar, u qed isir, restawr fejn hemm bżonn biex meta jerġa’ jinfetaħ l-ajruport pajjiżna jkun destinazzjoni aħjar.

Sport