Sunday, November 24, 2024

Ceferin: Li pproteġejna l-mudell sportiv Ewropew hija l-aqwa kisba tagħna

Aqra wkoll

Il-President tal-UEFA, Aleksan­der Ceferin, jirrevedi sena mimlija għall-UEFA u għall-football Ewropew – u jenfasizza li l-valuri ewlenin li jinsabu fil-qalba tal-logħba jridu jiġu ppreservati u protetti għall-futur. 

Dan li ġej huwa kif Ceferin ra s-sena li se tintemm nhar il-Ġimgħa li ġej:

Meta nħarsu lura lejn sena indimentikabbli għall-UEFA u l-kommunità tal-football Ewropew, huwa diffiċli li wieħed jinnota l-akbar kisba tagħna.

Il-lista tar-‘rebbieħa’ hija sempliċement twila wisq. Il-captains tal-clubs u tat-timijiet nazzjonali jgħollu t-trofej tal-UEFA f’mhux inqas minn seba’ kompetizzjonijiet – il-Euro 2020, in-Nations League, iċ-Champions Leagues tal-irġiel u tan-nisa, l-Europa League, il-finali tal-Kampjonat Ewropew ta’ taħt il-21 u l-Futsal Champions League.

Il-bidu ta’ ċikli ġodda ta’ kompetizzjoni tal-clubs ħoloq sitwaz­zjoni ta’ rebħ kemm għall-football tan-nisa kif ukoll għall-irġiel. Bidliet estensivi fiċ-Champions League tan-Nisa tejbu b’mod sinifikanti l-bilanċ kompetittiv, l-espożizzjoni u l-prestiġju tagħha, filwaqt li t-tne­dija tal-Europa Conference League għamlet il-kompetizzjonijiet tagħna tal-irġiel aktar inklużivi, b’numru ta’ clubs jagħmlu l-ewwel dehra tagħhom fix-xena Ewropea.

Il-football saħansitra kiseb ir-reb­ħiet sportivi tiegħu stess fuq il-pandemija, l-ewwelnett, billi organizza tant logħbiet matul is-sena fost ir-regolamenti tas-saħħa li qed jinbidlu kontinwament; it-tieni, billi turi li l-partitarji jistgħu jirritornaw bla periklu fl-istadiums.

Matul l-aħħar 12-il xahar, kull membru tal-kommunità tagħna ta kontribut sinifikanti għal dawn is-suċċessi li jispikkaw –  assoċjaz­zjonijiet nazzjonali, players, kampjonati domestiċi, clubs, coaches, uffiċjali tal-logħbiet, partitarji, sħab­na u l-midja.

Madankollu, l-aktar kisba sini­fikanti tagħna jistħoqqilha aktar rikonoxximent – il-ħarsien tal-mu­dell sportiv Ewropew li jiggwida l-missjoni tal-UEFA, l-assoċjaz­zjonijiet membri tagħha u għadd kbir ta’ organizzazzjonijiet sportivi oħra.

Ibbażat fuq struttura piramida li tgħaqqad il-football tal-grassroots fil-qiegħ mal-clubs tal-elite fil-quċċata, il-mudell jaħdem fuq premessa doppja. 

Mhux biss id-dħul minn kompetizzjonijiet professjonali jiġi nvestit mill-ġdid fil-logħba; il-clubs huma wkoll promossi jew relegati fuq il-mertu sportiv.

Ftit organizzazzjonijiet jinkorporaw il-valuri tal-mudell sportiv Ewropew b’mod aktar qawwi mill-UEFA. Kull erba’ snin, il-Kampjonat Ewropew tagħna jibdel proporzjon kbir tad-dħul fi proġetti ta’ żvilupp tal-football madwar il-kontinent permezz tal-programm HatTrick.

Mill-2020-24, €775.5 miljuni fi dħul tal-Euro 2020 se jibbenefi­kaw il-livelli kollha tal-piramida tal-football – mit-taħriġ ta’ coaches irġiel u nisa għall-appoġġ tal-clubs tal-grassroots u t-trawwim ta’ players żgħażagħ b’talent li joħolmu li jikkompetu fil-Euros futuri.

Bl-istess mod, l-impenn tal-mudell għall-kompetizzjoni mif­tuħa kien mutur ewlieni fil-ħolqien tagħna tal-Europa Conference League. Il-55 assoċjazzjoni nazzjo­nali kollha issa huma garantiti rappreżentanza f’mill-inqas kompetizzjoni waħda tal-UEFA kull staġun.

It-tentattiv ta’ April li għadda li ħa falza stikka biex jitnieda ‘Super League’ magħluq, li ffoka biss fuq il-mili tal-kontijiet bankarji ta’ ftit clubs, hedded valuri li jinsabu fil-qalba tal-mudell sportiv Ew­ropew u l-missjoni tal-UEFA.

Il-mewt tiegħu, immexxija minn kundanna politika u popolari minn madwar il-kontinent, kienet l-aktar rebħa sinifikanti u maqsuma tagħna fl-2021.

Nixtieq inwassal il-gratitudni personali tiegħi lil kull wieħed minnkom talli qgħadtu mal-UEFA f’mument daqshekk ta’ sfida. L-appoġġ tagħkom żgura li l-kisbiet tagħna, għas-snin li ġejjin, se jkomplu jibnu futur sostenibbli għall- football fl-Ewropa.

Sport