Saturday, November 16, 2024

Ċelebrazzjoni b’sinjifikat speċjali għal Malta… Il-Ministru Julia Farrugia Portelli tħabbar ħidma ta’ għarfien u taħriġ importanti

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

“Għalina dan il-jum għandu sinjifikat speċjali għax f’Malta din mhiex sempliċiment okkażjoni kwalunkwe imma hija wkoll tifkira tal-fatt li għall-aħħar tmien snin il-lingwa li jużaw ta’ kuljum il-persuni neqsin mis-smigħ hija lingwa nazzjonali wkoll u l-isforzi tagħna mhumiex biss marbuta ma’ dan il-jum”.

Qalet dan lil Talk.mt, il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tal-Lingwa tas-Sinjali, iċċelebrat ta’ kull sena mad-dinja kollha flimkien mal-Ġimgħa Internazzjonali għall-Persuni Neqsin mis-Smigħ.

F’Malta, l-Assoċjazzjoni tal-Persuni Neqsin mis-Smigħ tirrappreżenta kważi mal-1,500 persuna fejn naraw kif qatilna l-Ministru Farrugia Portelli stess, dawn għal l-aħħar snin setgħu jesprimu ruħhom bil-lingwa tagħhom stess.

Dritt li huwa importanti ħafna. Fil-fatt, fiċ-ċelebrazzjoni ta’ din is-sena, il-Ġnus Magħquda tistieden lill-mexxejja dinjin biex iħaddnu t-tema magħżula “Irreġistraw għad-Drittijiet tal-Lingwa tas-Sinjali” fil-lingwa tas-sinjali nazzjonali tagħkom. 

Dan hekk kif resqsin lejn l-20 anniversarju tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità (CRPD) adottata f’Diċembru tal-2006 fejn hemm ħidma għall-implimentazzjoni aħjar tas-CRPD fuq livelli nazzjonali permezz tad-drittijiet umani lingwistiċi ta’ persuni neqsin mis-smigħ. 

Skont il-Federazzjoni Dinjija tal-Persuni Neqsin mis-Smigħ, l-ammont ta’ persuni madwar id-dinja b’din id-diżabilità huwa ta’ aktar minn 70 miljun persuna. Aktar minn 80% tagħhom jgħixu f’pajjiżi żviluppati u bejniethom jużaw aktar minn 300 lingwa tas-sinjali differenti. Il-Lingwa Maltija tas-Sinjali (LSM) hija waħda minnhom. 

Il-mexxejja dinjin f’dan il-jum importanti huma mistiedna jingħaqdu f’ħidma għad-drittijiet tal-lingwa tas-sinjali billi jaħdmu id f’id mal-assoċjazzjonijiet lokali u dawk nazzjonali, biex iwasslu tagħrif dwar il-miri konkreti li għandhom għall-ġid tal-persuni neqsin mis-smigħ.

Għarfien bażiku għall-front liners u l-istudenti

Min-naħa tagħha l-Ministru Julia Farrugia Portelli spjegat li, “dan il-Ministeru ħadem biex ikun jista’ jiġi offrut kors li jwassal għal Diploma fil-Lingwa tas-Sinjali Maltija (LSM) mill-Università ta’ Malta. Il-preparamenti saru bil-parteċipazzjoni sħiħa tal-persuni neqsin mis-smigħ b’kordinazzjoni mal-Kunsill tal-Lingwa tas-Sinjali Maltija (KLSM) li huwa mwaqqaf bil-liġi’. 

Hija qalet li dan il-pass jorbot mal-Istrateġija Nazzjonali dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità li ġiet varata fl-2021 fejn ikkommettew li jħarrġu aktar nies biex eventwalment jaraw li jkun hemm għarfien bażiku ta’ din il-lingwa għall-front liners bħal pulizija u infermiera, kif ukoll studenti fl-iskejjel tagħna.

Ħabbret ukoll li bħalissa għaddejjin taħdidiet ma’ producers ewlenin biex ikun hemm produzzjoni mmirata għat-tfal bil-Lingwa tas-Sinjali Maltija. 

Se tinħoloq sistema ta’ reġistrazzjoni u warrants mitluba mill-interpreti

Il-Ministru Farrugia, filwaqt li sellmet lill-interpreti kollha ta’ din il-lingwa li għandhom rwol kruċjali għall-komunità ta’ persuni neqsin mis-smigħ,  temmet tgħid li, “bi pjaċir insemmi li tħejja abbozz ta’ liġi mid-Direttorat għall-Affarijiet dwar id-Diżabilità (DDI), b’konsultazzjoni mal-Assocjazzjoni tal-Interpreti, il-KLSM u l-Aġenzija Sapport li joħloq sistema ta’ reġistrazzjoni u warrants mitluba mill-interpreti u li sejra nippreżenta quddiem il-Kabinett wara li jiġi konkluż fuqu test ta’ proporzjonalità rikjest mil-liġi tal-Unjoni Ewropea”.

Ekonomija

Sport