Saturday, August 16, 2025

Ċelebrazzjoni mużikali tal-wirt poetiku ta’ Mary Meilak miġbur f’CD

Aqra wkoll

Is-sena 2025 taħbat il-50 anniversarju minn mewt il-poetessa pijuniera fix-xenarju tal-letteratura Maltija Mary Meilak. Sabiex jiġi ċċelebrat il-kontribut tagħha fil-perjodu romantiku tal-istorja letterarja Maltija, ċ-Ċentru tal-Ilsien Malti, b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Malti għall-Arti, ffinanzja l-ħolqien ta’ CD bl-isem Mara.  

Mara hu prodott minn Lito’s Space, b’kanzunetti mibnija fuq il-lirika ta’ sitt poeżiji mir-repertorju ta’ poeżiji miktubin mill-pinna ta’ Meilak u mmużikati mill-Mro Dominic Galea. 

Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici waqt it-tnedija ta’ Mara faħħar il-kontribut ta’ Mary Meilak – li kienet Għawdxija – għall-iżvilupp tal-lingwa Maltija.  Huwa sellem lil dawk kollha li ħadmu fuq dan il-proġett u enfasizza l-fatt li dan ix-xogħol għandu wkoll relevanza fil-kamp edukattiv peress li tnejn mill-poeżiji – Xita u Ġejja x-Xita – jinsabu fis-sillabu non-preskrittiv tal-Malti għas-seba’ u t-tmien sena skolastika.

“Għaldaqstant, CD bħal dan joffri riżorsa siewja għall-għalliema għaliex jistgħu jintegraw fil-klassi b’mod pedagoġiku u kreattiv biex l-istudenti jingħataw dimensjoni artistika li tikkumplimenta l-arti tal-kelma msawra f’poeżija,” stqarr il-Ministru Bonnici.

Dr Maris Camilleri, l-Aġent Kap Eżekuttiv taċ-Ċentru tal-Ilsien Malti faħħret il-kollaborazzjoni bejn iċ-Ċentru u l-Kunsill Malti għall-Arti u saħqet li “sinerġiji bħal dawn huma t-triq ’il quddiem sabiex nibqgħu nwieżnu proġetti u inizjattivi varji li l-għan tagħhom huwa li naraw li l-Malti jibqa’ ħaj, relevanti, u viżibbli, filwaqt li jkompli jinfirex fl-oqsma kollha.”   Hija faħħret il-kontribut ta’ Mary Meilak u saħqet li bħala mara u bħala persuna akkademika fil-qasam tal-Malti, hi ħasset li b’sens ta’ dover ma setgħetx tħalli lil dan l-anniversarju jgħaddi mingħajr ma nkunu tfajna d-dawl mistħoqq fuq pijuniera fil-qasam letterarju Malti.

Dan l-album mużikali bbażat fuq sitt poeżiji ta’ Mary Meilak ġie mniedi propju fix-xahar li fih jaħbat ukoll it-tieni anniversarju mit-twaqqif taċ-Ċentru tal-Ilsien Malti.

Għal din il-konferenza attendew entitajiet u individwi li ilhom is-snin jaħdmu b’risq il-Malti, fosthom l-Akkademja tal-Malti, l-Għaqda Għalliema tal-Malti, l-Uffiċjali Edukattivi tal-Malti, membri mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, kif ukoll l-awtur magħruf Trevor Zahra.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport