Saturday, December 28, 2024

ĊELEBRAZZJONI TA’ MĦABBA B’RESPONSABBILTÀ

Aqra wkoll

Li mmorru nieħdu xi ħaġa tal-ikel. Li mmorru nieħdu drink mal-ħbieb. Li mmorru niltaqgħu u ninġabru mal-familja fl-Ewwel tas-Sena. Li mmorru xi safra biex nistrieħu. Li nixtru r-rigali lil xulxin. Dawn u min jaf kemm iktar attivitajiet f’dawn iż-żminijiet ta’ festi huma kumditajiet li mhux biss f’pajjiżna, imma anki fi mkejjen oħra, hemm min mhuwiex fi stat li jesperjenza, u saħansitra jikkuntrastaw bħall-abjad u l-iswed meta niftakru li lil hinn minn xtutna hemm pajjiżi li fihom qed jintilfu l-ħajjiet fi ġlied li nemmnu li ma jista’ qatt ikollhom rebbieħ imma telliefa dejjem.

Pajjiżna rnexxielu jikseb ħafna f’dawn l-aħħar snin u quddiem dan kollu ma’ nistgħux ma’ nsemmux it-tkabbir ekonomiku. Huwa għalhekk li l-poplu għandu jirrikonoxxi li fortunatament il-maġġoranza tal-familji f’pajjiżna jistgħu jgawdu fuq livelli differenti ta’ kuntentizza dawn iż-żminijiet ta’ festi. 

Huwa fatt li għal dawn l-aħħar snin, il-gvern ippreżenta miżuri li jgħinu biex kemm jista’ jkun kull familja jibqgħalha aktar flus fil-but biex tkun tista’ tgħix ħajja ta’ kwalità. Meta ninsabu ftit tal-ġranet biss ‘il bogħod mill-Ewwel tas-Sena, nemmnu li l-imħabba għandha għal sena oħra terġa’ tkun l-ikbar u l-aqwa rigal li nistgħu noffru lil xulxin u lil għajrna. 

Dan iż-żmien huwa ukoll wieħed ta’ divertiment. Biss infakkru li l-lussu li persuna tkun abbli li tattendi għal ċertu attivitajiet jitlob minnha responsabbiltà sħiħa biex tħares kemm il-ħajja tagħha u kif ukoll tal-oħrajn. 

Persuna għandha tkun kapaċi tikkontrolla lilha nnifisha meta tikkonsma l-alkoħol u jekk kemm-il darba dan ma jkunx il-każ, dak li jkun għandu jipprevjeni billi fost l-oħrajn jivjaġġa ma’ persuni oħra li ma jikkunsmawx alkoħol jew jagħmel użu mid-diversi servizzi ta’ trasport alternattiv li llum għamel qabża fil-kwalità u kif ukoll fl-effiċjenza.

Nemmnu li għal sena oħra, il-poplu se jerġa’ jkun hemm għal ħaddieħor u anke għal pajjiżu. Biss nittamaw ukoll li s-sentiment ta’ mħabba u rispett jirrenja anke wara li jiżżarma t-tiżjin u x-xinxilli.

Ekonomija

Sport