Monday, November 4, 2024

ĊELEBRAZZJONI TAL-ĦADDIEM KULJUM B’ARMONIJA BEJN L-EDUKAZZJONI U L-OPPORTUNITAJIET TAX-XOGĦOL

Aqra wkoll

Il-kunċett tal-edukazzjoni huwa wieħed mill-kunċetti prinċipali li jistgħu jgħinuna nilħqu l-aspirazzjonijiet tagħna. Ħafna drabi d-diskors jaqa’ dwar l-għażliet li minn żmien għal żmien nintalbu nagħmlu fil-proċess edukattiv biex b’kisbiet naslu għal impjiegi jew aħjar karrieri.

Naqblu ma’ dak li qal fl-aħħar jiem il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana fil-parlament waqt li tkellem dwar il-bżonn ta’ bilanċ bejn id-dmir tal-gvern li joħloq l-impjiegi, iżda li dan jeħtieġ li jiġi kkumplimentat mid-dmir tal-istudenti li tilgħin li jagħmlu ħilithom biex b’sapport kontinwu fit-tlugħ ta’ dan is-sellum, jagħrfu jagħtu direzzjoni lil ħajjithom. Nemmnu li huwa minnu li ma jistax ikollna progress jekk ma jinħolqux l-impjiegi imma biex dan iseħħ jeħtieġ li tiffunzjona sinkronikament struttura fejn ikollna studenti tilgħin b’aspirazzjonijiet li jimlew postijiet vakanti f’impjiegi li saħansitra jistgħu jkunu ġodda.

It-teknoloġija tilgħab rwol importanti f’dan li qiegħed jinkiteb. Minn żmien għal żmien qegħdin jinħolqu impjiegi, f’setturi moderni li lesti li jħallsu iktar minn dawk biex ngħidu hekk tradizzjonali li forsi kienu l-impjiegi li ntirtu minn ġenerazzjoni għal oħra.

Nagħmluha ċara, b’dan li qegħdin ngħidu m’aħna nnaqqsu l-ebda mertu mix-xogħolijiet tas-snajja u l-ħtieġa li dawn jingħataw l-imbuttatura li hemm bżonn biex mill-ġdid ikollna persuni li jerġgħu jibdew idawru r-rota ekonomika f’dawn is-setturi wkoll.

Min-naħa tagħna ma naqblux mal-mentalità żbaljata f’dinja fejn dak li jkun l-aqwa li jsib xogħol. Hija inkwetanti l-istatistika kkwotata mill-Ministru Caruana fejn jidħol paragun bejn persuna li tieqaf fl-edukazzjoni sekondarja u persuna li tirnexxi fl-edukazzjoni terzjarja. Skont ċifri msemmija fil-parlament, id-differenza bejn it-tnejn tista’ tkun ta’ miljun u nofs ewro fuq medda ta’ 40 sena. Id-differenza bejn it-tnejn tista’ tkun bejn wieħed u ieħor madwar sitt snin ta’ investiment, iva anke b’sagrifiċċji, fil-karrieri li naspiraw għalihom.

Ovjament mingħajr ħafna tħabbil tal-moħħ nistgħu nikkonkludu li jekk nitkellmu dwar koppji differenti f’dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet, id-differenza se tirdoppja u se jkollok koppja li tasal taqla’ mat-tliet miljun ewro iżjed minn oħra fuq medda ta’ 40 sena.

Nemmnu li llum m’għandhiex tkun l-unika ġurnata li niċċelebraw lill-ħaddiem. Il-ħaddiem mhuwiex biss dak li japplika biex jidħol f’xi post maħluq minn min iħaddem. Dan tal-aħħar fl-aħħar mill-aħħar ukoll huwa ħaddiem u x’aktar li l-ewwel tarġa tiegħu kien f’post dawk li qed jaħdmu miegħu.

Filwaqt li aħna favur li kull ħaddiem jibqa’ jżid il-livelli tiegħu u jipprogressa, mhux biss fi proċess edukattiv, iżda anke bl-esperjenza, nemmnu li hemm bżonn li jiżdied ir-rispett bejn dawn iż-żewġ partijiet għax l-għaqda u l-armonija bejn it-tnejn hija bżonjuża biex jiżdied ix-xogħol u awtomatikament tissaħħaħ l-ekonomija ta’ pajjiżna.

Tajjeb li nirrikonoxxu l-kontribut ta’ kull wieħed u waħda minna fid-dinja tax-xogħol. Tajjeb li niftakru f’dawk li li dejjem se jkunu hemm għall-bqija tal-poplu, mhux biss fejn tidħol il-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà, imma anke b’servizzi oħrajn fosthom dawk li jipprovdulna l-ikel fuq il-mejda frott l-għaraq ta’ ġbinhom. Tajjeb li niftakru li llum, minkejja li hija festa, mijiet ta’ persuni li jaqgħu f’dawn il-faxex tas-soċjetà, illum qegħdin f’rutina normalissima, b’uħud qamu minn kmieni filgħodu biex jagħtu ċertu servizzi partikolari.

Sport