Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Ikel, li kien iċċelebrat il-Ħadd, ittellgħet l-attività “Festa Ikel Malti” fil-Pitkalija, Ta’ Qali fejn il-pubbliku seta’ jixtri prodotti u jieħu sehem f’attivitajiet tematiċi relatati mal-kunċett ‘Leave no one behind.”

Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo flimkien mas-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said żaru din l-attività fejn setgħu jsegwu aktar mill-viċin dak li kapaċi joffru l-bdiewa Maltin u Għawdxin.

Fil-kummenti tiegħu, il-Ministru Refalo qal li rridu nkomplu naħdmu sabiex insaħħu l-provvista lokali u għalhekk bħala Ministeru qed jaħdmu bla waqfien biex jissaħħu s-setturi tal-biedja u s-sajd. Qal ukoll li qed jaħdmu sabiex iwieżnu b’għajnuna u skemi filwaqt li jimplimentaw riformi li tassew hemm bżonn.

Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said qalet li ma hemm xejn isbaħ mill-appoġġ lejn il-bdiewa, ir-raħħala u s-sajjieda tagħna fejn fl-istess waqt wieħed ikun qed jiżgura l-konsum ta’ prodott lokali, frisk u bnin.
