Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-50 sena tal-Juventus Club Vero Amore li jinsabu f’Birkirkara, il-membri kellhom il-pjaċir li jiltaqgħu ma’ erba’ eks-plejers leġġendarji li kellhom rwol importanti fl-istorja ta’ Juventus u dawn kienu Angelo Di Livio, Moreno Torricelli, Nicola Legrottaglie u Alessandro Birindelli.
Juventus Club Vero Amore, li huwa t-tieni l-iktar klabb uffiċjali antik ta’ supporters ta’ Juventus fid-dinja, irnexxielu jiċċelebra dan il-mument sabiħ b’serje ta’ avvenimenti għal madwar 600 membru tiegħu. Il-president ħabrieki tal-klabb, Joseph Fenech, esprima kemm ħerqa kif ukoll kburija għal dawn iċ-ċelebrazzjonijiet, minkejja l-għadd ta’ sfidi logistiċi li kienu involuti li jsiru.
Fenech tenna l-importanza li l-membri jġeddu l-abbonamenti tagħhom għall-istaġun 2025/2026. “Il-membru għandu jkun prijorità għax dawn l-avvenimenti huma għalihom,” qal. Kien żgur ukoll li hemm relazzjonijiet tajbin mal-klabb l-ieħor ta’ partitarji, Juventus Malta Club Cuore Bianconero. “Il-bieb dejjem ikun miftuħ. Ma nemminx li għandna żewġ klabbs differenti iżda wieħed .”
Din il-gazzetta kienet preżenti proprju fil-Juventus Club Vero Amore fejn ħadet kummenti qosra mingħand dawn it-tliet plejers.
Angelo Di Livio kien magħruf għall-versatilità u l-ħidma bla waqfien tiegħu fil-grawnd. Twieled fit-26 ta’ Lulju 1966 f’Ruma, u kien jilgħab prinċipalment bħala winger jew wing-back. Huwa kien magħruf għall-ħila tiegħu li jagħti s-saħħa kemm fl-attakk kif ukoll fid-difiża, b’impenn u dedikazzjoni kbira. Matul il-karriera tiegħu, il-perjodu l-aktar sinjifikanti kien ma’ Juventus bejn l-1993 u l-1999, fejn għen lit-tim jirbaħ diversi trofej importanti fosthom l-UEFA Champions League fl-1996. Hu kien imlaqqam bħala “soldatino” (suldat żgħir). Qabel Juventus, Di Livio lagħab ukoll ma’ Fiorentina u Roma, fejn żamm livelli għoljin u wirjiet mill-aqwa. Fuq livell internazzjonali, hu rrappreżenta lill-Italja f’turnaments kbar bħal Euro 1996 u t-Tazza tad-Dinja tal-1998.
Mistoqsi dwar l-esperjenza tiegħu mal-Bianconeri, hu kkonferma li kienet waħda mill-isbaħ għażliet li qatt għamel.
“Kull suċċess li ġejt biex nagħmel ma’ Juventus kien mimli emozzjonijiet u xogħol kbir. Ma nistax niddistingwi waħda biss bħala l-iktar memorabbli għax kull waħda kienet unika.”
“Kelli x-xorti li dħalt nilgħab mal-Bianconeri proprju meta kellna lil Marcello Lippi bħala kowċ u fejn bosta plejers ta’ isem bħal Gianluca Vialli, Angelo Peruzzi, Fabrizio Ravanelli u Antonio Conte kienu jiffurmaw parti minn dan it-tim”
Hu sostna li kellu l-ġiri tiegħi fuq il-linja li dejjem kienu joħolqu periklu lejn il-lasti avversarji.
Moreno Torricelli kien magħruf għall-karriera sorprendenti tiegħu u għad-determinazzjoni kbira li wera biex jilħaq livell professjonali għoli. Twieled fit-23 ta’ Awwissu 1970 f’Erba, Italia, Torricelli beda jilgħab il-futbol fuq livell amatorjali waqt li kien jaħdem bħala mastrudaxxa. Għal snin, kien juża parti mill-paga tiegħu biex jivjaġġa għat-taħriġ, li juri kemm kien dedikat u passjonat dwar il-logħba. It-talent tiegħu skoprewh Juventus fl-1992, fejn kien parti minn tim li għamel storja u rebħu diversi titli, inkluż l-UEFA Champions League fl-1996.
Torricelli kien magħruf għall-ħidma intensa fil-grawnd, l-enerġija u l-abbiltà tiegħu kemm fid-difiża kif ukoll fl-attakk. Wara żmien ta’ suċċess ma’ Juventus, kompla jilgħab f’klabbs oħra qabel ma rtira. Il-karriera tiegħu hija eżempju ta’ kif il-perseveranza u d-dedikazzjoni jistgħu jwassluk mill-aktar livell baxx għal dawk ogħla tal-futbol professjonali.
Torricelli irrakkonta hekk dwar l-ewwel passi tiegħu:
“Kont naħdem bħala mastrudaxxa u investejt ħafna mill-flus tiegħi biex immur nitħarreġ. Kont naf li l-vjaġġ tiegħi kien twil u mimli sfidi, imma l-passjoni tiegħi għat-taħriġ qatt ma naqsitli. Meta d-diriġenti ta’ Juventus indunaw bil-potenzjal tiegħi, għamilt pass kbir ‘il quddiem fil-karriera tiegħi.”
Meta semmejnilu r-rebħ tal-UEFA Champions League fl-1996, għajnejh xegħlu fejn jiftakar bi tbissima dik il-ġurnata tat-22 ta’ Mejju 1996.
“Iċ-Champions League dejjem kienet ħolma għalija. Li rbaħna kontra Ajax Amsterdam dik id-darba kienet waħda mill-mumenti l-iktar sodisfaċenti f’ħajti li nibqa’ ngħożżha.”
Nicola Legrottaglie kien magħruf għall-karriera tiegħu fil-futbol professjonali u r-rwol tiegħu bħala wieħed mill-aktar plejers stabbli fuq il-linja tad-difiża. Twieled fit-20 ta’ Ġunju 1976 f’Bari, Legrottaglie beda jilgħab mal-klabb lokali qabel ma għamel pass importanti fil-karriera tiegħu. Huwa ingħaqad ma’ Juventus, iżda qabel ma sar plejer regolari, qatta’ perjodu ta’ self ma’ klabbs oħra bħal Bologna u Siena biex jiksbu esperjenza u jilħaq livelli ogħla. Matul iż-żmien tiegħu mal-Juventus bejn l-2006 u l-2011,
Legrottaglie kien parti minn perjodu diffiċli għal klabb li kien għaddej minn riperkussjonijiet ta’ Calciopoli, li wassal biex Juventus spiċċaw anke fil-Serie B. Wara li rritorna għal Juventus, huwa għen lill-klabb jerġa’ lura fis-suċċess. Wara l-karriera tiegħu, Legrottaglie ħa r-responsabbiltà ta’ Head of Performance ma’ Sampdoria u hu magħruf għas-serjetà, dedikazzjoni u l-esperjenza tiegħu kemm bħala plejer kif ukoll bħala koxx.
Legrottaglie ta ħarsa lejn il-perjodu diffiċli tal-klabb:
“Il-perjodu ta’ Calciopoli kien ta’ sfida kbira għal kulħadd li kien involut fil-klabb. Il-problemi li kienu jaffettwaw il-klabb b’mod amministrattiv kienu jħawdu ħafna affarijiet fuq il-pitch. Il-plejers kellhom jiffukaw ħafna biex iżommu l-wirja, għalkemm kienet sitwazzjoni iebsa. Minkejja kollox, konna b’saħħitna biex nerġgħu nitilgħu fejn jistħoqqilna, iġifieri fis-serie A Taljana.”
Huwa żied jgħid dwar il-kariga tiegħu bħala Head of Performance ma’ Sampdoria:
“Qed nipprova nkun parti minn tim li qed iħaddan sfidi kbar bħal dawk li qatt għaddejt minnhom. Jien nemmen li b’ħidma u paċenzja, jista’ jkun hemm titjib.”
Alessandro Birindelli kien eks plejer magħruf għall-fedeltà u l-kontribut tiegħu mal-Juventus tul karriera twila ta’ 11-il sena. Twieled fit-12 ta’ Ġunju 1974 f’Pisa, Birindelli kien difensur versatili li seta’ jilgħab kemm fuq il-lemin kif ukoll f’pożizzjonijiet oħra fid-difiża. Huwa ingħaqad ma’ Juventus fl-1997 u baqa’ magħhom sal-2008, perjodu li kellu ħafna sfidi, inkluż żmien diffiċli waqt Calciopoli, li kif għedna xeħet lill-klabb għas-Serie B.
Matul il-karriera tiegħu, Birindelli kellu mumenti memorabbli bħal dak fil-kwarti tal-finali tal-UEFA Champions League kontra Barcelona fl-istaġun 2002/03, fejn ta l-kontribut tiegħu filwaqt li għen lit-tim jgħaddi għas-semifinali. Birindelli kien magħruf għall-ħidma bla heda, dixxiplina u l-ispirtu tat-tim, fatt li għamluh figura maħbuba fost il-partitarji u sħabu tal-iskwadra. Wara li temm il-karriera tiegħu bħala plejer, Birindelli baqa’ involut fil-futbol bħala kowċ, fejn jgħin plejers żgħar jitgħallmu u jikbru f’din il-karriera.
Mistoqsi proprju dwar logħba partikolari tal-UEFA Champions League, Birindelli kien ferm nostalġiku.
“Fil-kwarti tal-finali tal-UEFA Champions League kontra Barcelona, fl-istaġun 2002/03, għamilt pass preċiż lejn Marcelo Zalayeta li skorja fl-aħħar sekondi. Dak il-mument kien kruċjali u dejjem se nkun grat li kont parti minnu.”
Hu kompla jgħid:
“Meta tkun parti minn Juventus għal dawn is-snin, ma tkunx biss plejer, tkun parti minn familja kbira. Anke meta ħarġu problemi bħal dawk ta’ Calciopoli, l-imħabba għall-klabb kienet dejjem hemm.”
L-erba’ plejers kellhom iċ-ċans jieħdu ritratti mal-partitarji filwaqt li jiffirmaw diversi karti li l-istess segwaċi Juventini talbuhom. Kien hemm ukoll ikla speċjali apposta l-Ġimgħa filgħaxija f’restaurant ewlieni fil-Mellieħa, fejn hemmhekk b’mod informali Moreno Torricelli, Angelo Di Livio, Nicola Legrotaglie u Alessandro Birindelli kellhom ċans ikellmu lil dawn il-partitarji Maltin tant akkaniti ta’ Juventus.