Monday, December 29, 2025

Celianne Micallef … b’determinazzjoni, sagrifiċċju u mħabba lejn l-isport, tibni karriera soda fil-bowling

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Celianne Micallef hija waħda minn dawk l-atleti żgħażagħ li b’determinazzjoni, sagrifiċċju u mħabba lejn l-isport, qed tibni karriera soda fil-bowling. Minkejja li għadha fil-fażi taż-żgħożija fejn fl-istess waqt qed tibni l-esperjenza tagħha, diġà rnexxielha tikseb riżultati sinjifikanti kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll internazzjonali, u qed titqies bħala wieħed mit-talenti emerġenti f’dan l-isport f’Malta li dejjem qed ikompli jżid fil-popolarita’ tiegħu.

Aħna ħadnilha l-kummenti tagħna wara tmiem is-sena 2025 li bla dubju kienet waħda mill-aqwa għaliha personali u anke għall-bowling Malti.

Il-vjaġġ tagħha fil-bowling beda minn età żgħira ħafna. Kien fl-eta’ ta’ tmien snin meta ħadet sehem fis-summer bowling, esperjenza li fetħitilha bibien ġodda u qanqlet fiha interess li malajr inbidel f’imħabba vera lejn dan l-isport.

Minn dak il-mument ‘il quddiem, il-bowling sar parti integrali minn ħajjitha, sport li mhux biss ta’ divertiment imma wkoll mezz ta’ sfida kontinwa u żvilupp personali.

Hekk kif it-talent tagħha beda jispikka, Celianne kompliet timxi pass ‘il quddiem billi bdiet tattendi l-Iskola Nazzjonali tal-Isport f’Malta. Din l-esperjenza kienet kruċjali għall-iżvilupp tagħha, peress li tatilha l-opportunità tgħaqqad l-istudju ma’ taħriġ strutturat u professjonali. Skont kif tgħid hi stess, il-perjodu fl-iskola nazzjonali għenha ttejjeb il-ħiliet tagħha b’mod effiċjenti, titgħallem aktar dwar id-dixxiplina u tifhem aħjar x’ifisser li tkun atleta impenjata.

Permezz ta’ ħafna ħidma u taħriġ regolari, Celianne rnexxielha tagħmel progress notevoli fil-livell tekniku tagħha. Waħda mill-akbar kisbiet tagħha kien li tellgħet il-medja tagħha b’20 pin ud an bla dubju hu titjib li juri kemm il-bowling huwa sport li jirrikjedi konsistenza, preċiżjoni u paċenzja. Illum titħarreġ fil-Bowling Academy Malta, fejn tkompli taħdem fuq it-teknika u l-mentalità tagħha bħala atleta.

Il-biċċa l-kbira tal-kompetizzjonijiet fil-bowling Malti jsiru fis-SuperBowl ta’ San Ġiljan, l-akbar bowling alley f’Malta, post li sar kważi t-tieni dar għal Celianne. Hemmhekk tqatta’ sigħat twal titħarreġ u tikkompeti, dejjem bil-għan li ttejjeb il-prestazzjoni tagħha u tkompli titgħallem it-teknika ta’ din il-logħba.

Ir-riżultati li kisbet tul is-snin huma xhieda ċara tal-progress tagħha. Fost l-unuri l-aktar importanti hemm ir-rebħa fil-Gold Cup tal-2023, fejn flimkien mal-kollega tagħha Melvin Galea rebħet l-avveniment, kif ukoll l-ewwel post fil-kampjonat fl-istess sena. Dawn is-suċċessi kkonfermaw il-konsistenza u l-livell għoli li laħqet minkejja l-età żgħira tagħha.

Fl-2025, Celianne kompliet tikkonferma l-valur tagħha billi spiċċat it-tieni fil-Kampjonati Nazzjonali BOV Under-23 fil-kategorija tal-bniet, riżultat li juri kemm kapaċi tikkompeti wkoll ma’ atleti ta’ livell ogħla. Fl-istess sena, kisbet it-tielet post fil-Gold Cup, u kompliet iżżomm livell kompetittiv għoli tul l-istaġun kollu. Wieħed mill-mumenti personali l-aktar ta’ sodisfazzjon għal Celianne huwa l-personal best ta’ 263, skor li jikkonferma l-kwalità u l-potenzjal tagħha.

Il-prestazzjonijiet tagħha wasslu wkoll biex tiġi magħżula bħala parti mit-tim nazzjonali tan-nisa għall-European Youth Championships (EYC) 2024 li saru fil-Finlandja. Din kienet esperjenza importanti ħafna fil-karriera tagħha, mhux biss għax irrappreżentat lil Malta fuq livell Ewropew, iżda wkoll għax setgħet tikkompeti kontra bowlers minn pajjiżi differenti u titgħallem minn stili varji ta’ logħob.

Esperjenza internazzjonali oħra li ħalliet impatt kbir fuqha kienet il-parteċipazzjoni fil-kompetizzjoni Dutch Youth Masters fl-Olanda, fejn spiċċat fit-tmien post. Skont Celianne, din il-kompetizzjoni fetħitilha għajnejha u għenitha tifhem aħjar x’hemm bżonn biex tikkompeti fuq livell internazzjonali. “Tiltaqa’ ma’ nies differenti minn pajjiżi oħra, titgħallem ħafna u tikber bħala atleta,” tispjega hi.

Għal Celianne, il-bowling mhuwiex biss sport, imma wkoll skola tal-ħajja. Tgħid li dan l-isport jgħinha tkun aktar kunfidenti, dixxiplinata u determinata. L-aspett li l-aktar jogħġobha fil-bowling huwa li dejjem jisfidak u jimbuttak biex ittejjeb lilek innifsek, mhux biss fuq il-lane imma wkoll bħala persuna. Barra minn hekk, tieħu gost tiltaqa’ ma’ plejers u kowċis differenti, u temmen li minn kull wieħed tista’ titgħallem xi ħaġa ġdida.

L-objettivi tagħha għall-futur huma ċari u ambizzjużi: tikseb riżultati tajbin fl-OYC, tkompli ttella’ l-iskors u l-medja tagħha, u tibqa’ taħdem u titħarreġ b’mod konsistenti biex tikseb riżultati aħjar. Celianne taf li s-suċċess ma jasalx waħdu, u għalhekk tagħti importanza kbira lill-ħidma kontinwa u l-impenn.

Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, hija ma tinsiex turi gratitudni lejn dawk kollha li kienu u għadhom parti mill-vjaġġ tagħha fejn fost l-oħrajn semmiet il-kowċis tagħha, il-membri tal-Malta Bowling Association, kif ukoll il-ġurnalisti u dawk kollha li jagħtu spazju u viżibilità lill-bowling Malti. Bi storja mibnija fuq passjoni, sagrifiċċju u determinazzjoni, Celianne Micallef tidher destinata għall-futur sabiħ f’dan l-isport, u bla dubju se tibqa’ isem importanti fil-bowling Malti fis-snin li ġejjin.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport