Monday, February 16, 2026

Ċemplilha mal-400 darba…

… mixli li ta fastidju lill-eks sieħba u darabha ħafif

Aqra wkoll

Raġel mixli li ta fastidju u darab ħafif lill-eks sieħba tiegħu f’diversi okkażjonijiet allegatament kien ċempel lil ħuh u talbu jkellem lill-allegata vittma sabiex taħfirlu u twaqqa’ l-każ kontrih.

Ir-raġel, li għandu 32 sena u huwa ta’ nazzjonalità Libjana, tressaq fil-Qorti mixli li bejn l-10 ta’ Mejju u t-2 ta’ Jannar 2026 għamel inġurji jew theddid fil-konfront tal-eks sieħba tiegħu.

Huwa kien mixli wkoll li fl-14 ta’ Frar 2026 u fix-xhur u fis-sena ta’ qabel, għamel użu mhux xieraq ta’ apparat ta’ komunikazzjoni elettronika u li naqas milli jħares il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.

L-imputat wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u saret talba għall-ħelsien mill-arrest tiegħu.

Il-Prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispettur Sherona Buhagiar, oġġezzjonat minħabba s-serjetà tal-akkużi. Qalet li dawn il-ġrieħi ħfief allegatament saru fi tliet okkażjonijiet differenti u kienu jinkludi tbenġil fil-wiċċ u f’partijiet oħra tal-ġisem tal-allegata vittma. 

Barra minn hekk, il-Prosekuzzjoni rrimarkat li hemm il-biża’ ta’ intralċ ta’ provi hekk kif għad trid tixhed l-allegata vittma. Qalet li meta kien il-lockup l-imputat tħalla jċempel lil ħuh biex jinfurmah bl-arrest tiegħu u ftit wara saru jafu li ħuh kien ċempel lill-vittma u talabha taħfirlu. 

“Qed ikun hemm pressjoni diġà biex twaqqa’ l-każ,” tenniet il-Prosekuzzjoni filwaqt li sostniet li b’rabta ma’ dan il-każ kienu saru ’l fuq minn 400 telefonata li ma ġewx imwieġba mill-allegata vittma.

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Astrid May Grima ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat u ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur l-allegata vittma. 

“La minn ġewwa u lanqas minn barra ma tersaq lejha jew tqabbad lil xi ħadd ikellimha,” wissietu l-Maġistrat Grima. 

L-Avukat Nicholas Mifsud deher għall-imputat. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport