Friday, September 26, 2025

Ċentru ta’ distribuzzjoni ġdid fis-Siġġiewi b’investiment ta’ €20 miljun

Aqra wkoll

Għaddejjin ix-xogħlijiet fuq ċentru ġdid ta’ distribuzzjoni tal-elettriku fis-Siġġiewi, b’investiment ta’ €20 miljun parzjalment iffinanzjat mill-Fond għall-Irkupru u r-Reżiljenza tal-Unjoni Ewropea. Dan il-proġett jimmarka pass importanti fit-tisħiħ tal-infrastruttura tal-elettriku fir-reġjuni ċentrali u tan-nofsinhar ta’ Malta.

Waqt żjara fuq il-post, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli saħqet fuq l-impenn tal-Gvern li joffri sigurtà tal-enerġija fit-tul. “Permezz ta’ proġetti bħal dan, qed ninvestu mhux biss fil-bżonnijiet tal-lum, imma wkoll fil-futur ta’ pajjiżna. It-tisħiħ tan-netwerk tal-elettriku huwa essenzjali biex nappoġġjaw il-familji, in-negozji u l-integrazzjoni dejjem tikber tal-enerġija rinnovabbli. B’dawn il-proġetti qed niżguraw li l-infrastruttura tal-enerġija ta’ Malta tibqa’ robusta, sostenibbli, u reżiljenti għal issa u għall-quddiem.”

Il-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi saħaq li dan l-investiment fis-Siġġiewi huwa parti minn viżjoni usa’ biex pajjiżna jkollu infrastruttura moderna, reżiljenti u sostenibbli. Huwa qal li, “Bil-fondi Ewropej, qed inwettqu proġetti meħtieġa ferm għat-tisħiħ tal-infrastruttura ta’ pajjiżna. Dan iċ-Ċentru ta’ Distribuzzjoni se jsaħħaħ in-netwerk tal-enerġija tagħna, itejjeb is-sigurtà tal-provvista u jħaffef il-pass lejn tranżizzjoni għal enerġija aktar nadifa u sostenibbli, skont il-viżjoni nazzjonali u Ewropea għall-futur ta’ pajjiżna”.

Iċ-Ċentru ta’ Distribuzzjoni l-ġdid ta’ 33/11 kV fis-Siġġiewi se jkun mgħammar b’żewġ transformers ta’ 30 MVA li jagħtu l-kapaċità meħtieġa biex jintlaħqu kemm il-ħtiġijiet tal-lum kif ukoll ta’ għada. Ladarba jibda jopera, dan iċ-ċentru se jtejjeb b’mod sinifikanti l-affidabbiltà u l-effiċjenza tan-netwerk tal-elettriku lil madwar 12,000 konsumatur f’Ħaż-Żebbuġ, is-Siġġiewi, Ħal Qormi, l-Imqabba u l-Qrendi.

Ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni waslu fi stadju avvanzat, bi 18-il kilometru ta’ cables ġodda ta’ 33kV imqiegħda biex jgħaqqdu ċ-ċentru l-ġdid mas-sistema ta’ distribuzzjoni usa’ tal-Enemalta. Il-proġett huwa mistenni li jitlesta sa Ġunju tas-sena d-dieħla.

Iċ-Chairperson Eżekuttiv tal-Enemalta, l-Inġ. Ryan Fava stqarr, “Dan l-investiment juri mill-ġdid l-impenn tal-Enemalta li tipprovdi lill-klijenti tagħna netwerk tal-elettriku aktar reżiljenti u lest għall-futur. Billi nsaħħu l-infrastruttura f’dawn il-lokalitajiet, mhux biss qed nindirizzaw id-domanda tal-lum, iżda qed nippreparaw ukoll għall-ħtiġijiet tal-enerġija tal-futur.”

Fl-istess ħin, qed isiru wkoll ix-xogħlijiet fuq iċ-Ċentru ta’ Distribuzzjoni ġdid fin-Naxxar u fuq iċ-Ċentru ta’ Distribuzzjoni ta’ Sant’Andrija, li qed javvanzaw b’mod tajjeb. Barra minn hekk, permezz tal-aġġornamenti li għaddejjin fiċ-Ċentru ta’ Distribuzzjoni tal-Imsida dalwaqt ser tirdoppja l-kapaċità tiegħu, biex tissaħħaħ aktar il-provvista f’din iż-żona b’domanda għolja.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport