Sunday, August 17, 2025

Ċentru tad-distribuzzjoni ġdid li se jsaħħaħ is-servizz għal aktar minn 12,000 familja

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Enerġija Dr Miriam Dalli flimkien maċ-Chairman Eżekuttiv tal-Enemalta l-Inġ. Ryan Fava żaru x-xogħlijiet li għaddejjin fuq ċentru ta’ distribuzzjoni ġdid fin-Naxxar.

Hawn, Enemalta qed tkompli tespandi u timmodernizza n-network tal-elettriku sabiex ittejjeb is-servizz u żżid il-kapaċità tagħha biex tilqa’ għad-domanda dejjem tikber fis-settur residenzjali, kummerċjali u industrijali.

Dan iċ-ċentru ġdid huwa wieħed minn diversi investimenti infrastrutturali li qed isiru bħala parti minn pjan aktar wiesa’ biex jinbnew u jiġu aġġornati ċ-ċentri ta’ distribuzzjoni madwar Malta. Iċ-ċentru tan-Naxxar se jkun qed jilħaq sa 12,000 konsumatur, u dan b’kapaċità simili għal dak li bħalissa qiegħed jinbena fis-Siġġiewi.

Il-Ministru Miriam Dalli rrikonoxxiet dan il-proġett bħala wieħed vitali biex tiġi żgurata provvista stabbli u sostenibbli tal-elettriku, u faħħret l-isforzi ta’ Enemalta biex tkompli ssaħħaħ in-network eżistenti, u fl-istess ħin tilqa’ għal sfidi ġodda. “Meta nitkellmu dwar xogħlijiet infrastrutturali biex finalment ikollna sistema tal-elettriku li tkun reżiljenti, ma nkunux qed nitkellmu dwar it-tqegħid tal-cables biss. It-tqegħid tal-cables huwa parti minn dik il-ħidma però għaddej ukoll xogħol ta’ upgrades f’ċentri ta’ distribuzzjoni kif ukoll fuq ċentri ġodda. Hawn qed nitkellmu dwar proġett li permezz tiegħu se nkunu qegħdin insaħħu s-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku u finalment is-supply tal-elettriku li tasal għand in-nies fin-Naxxar u fil-lokalitajiet tal-madwar,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.

“Dan iċ-ċentru huwa eżempju ċar ta’ kif Enemalta qed taħdem b’viżjoni għal futur b’sistema aktar effiċjenti, flessibbli u lesta biex tilqa’ għall-ħtiġijiet tal-ġenerazzjonijiet li ġejjin. Dan l-investiment permezz ta’ fondi Ewropej ser ikun qiegħed isir b’investiment ta’ madwar 15-il miljun ewro u ser ikompli jsaħħaħ id-distribuzzjoni fl-inħawi tan-Naxxar, il-Għargħur u l-lokalitajiet fil-vicin,” spjega Fava.

Il-proġett huwa ffinanzjat mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) tal-Unjoni Ewropea.

Minbarra n-Naxxar u s-Siġġiewi, Enemalta bħalissa għaddejja b’diversi proġetti oħra madwar il-pajjiż. Fuq livell nazzjonali, l-Enemalta qed tespandi u timmodernizza s-sistema tal-medium voltage, billi żżid is-sorsi ta’ distribuzzjoni, ħaġa li ssaħħaħ il-flessibilità tas-sistema u r-reżiljenza fil-provvista.

Wieħed mill-aktar proġetti kruċjali li qed jitwettqu bħalissa huwa t-tkabbir taċ-Ċentru ta’ Distribuzzjoni fl-Imsida, fejn għaddej xogħol estensiv biex tirdoppja l-kapaċità eżistenti tiegħu.

Barra minn hekk, għaddej ukoll xogħol ta’ espansjoni fuq iċ-Ċentru ta’ Distribuzzjoni ta’ St Andrew’s, fejn se tiżdied il-kapaċità sabiex jissaħħu l-konnessjonijiet fir-reġjuni fil-viċin.

Dawn il-proġetti huma parti minn viżjoni fit-tul biex Malta jkollha infrastruttura tal-elettriku li tkun robusta, flessibbli u lesta biex tlaħħaq ma’ sfidi ġodda relatati mat-tibdil fil-klima, l-elettrifikazzjoni tat-trasport, u l-iżvilupp ekonomiku. Enemalta ser tkompli tinvesti f’aktar substations u teknoloġiji ġodda li joffru kontroll u monitoraġġ aħjar tas-sistema. B’dan l-investiment kontinwu, Enemalta qed tpoġġi l-pedamenti għal futur b’enerġija aktar nadifa, aktar sigura u aktar sostenibbli għal kulħadd.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport