Monday, December 23, 2024

Ċentru t’edukazzjoni ambjentali ġdid fil-Buskett

Aqra wkoll

Iċ-Ċentru Edukattiv tal-Buskett, post ġdid t’għarfien ambjentali għall-familji, studenti u viżitaturi li jżuru l-Buskett, ġie inawgurat mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli, nhar it-Tlieta filgħodu.

B’investiment ta’ €240,000, Ambjent Malta trasformat kmamar agrarji li kien ilhom snin twal mitluqa fid-daħla prinċipali tal-Buskett f’ċentru għall-attivitajiet edukattivi dwar żergħa ta’ siġar u xtieli, u attivitajiet ambjentali oħra.

Waqt li grupp ta’ tfal mill-iskola sajf tal-Kulleġġ San Nikola tar-Rabat kienu qed iżuru l-Buskett, il-Ministru Miriam Dalli nnutat li dan iċ-ċentru, li jinsab f’wieħed mill-isbaħ siti ta’ Natura 2000 f’Malta, qed ikompli juri kemm l-edukazzjoni ambjentali hija kruċjali għall-futur aktar sostenibbli.

“Għal eluf ta’ familji u tfal tal-iskola, il-Buskett huwa post fejn jistgħu jkunu qrib aktar in-natura, f’ambjent imħaddar u arja friska. Iċ-Ċentru Edukattiv ta’ Ambjent Malta se jkun qed ifakkar lill-viżitaturi li kulħadd għandu rwol importanti biex flimkien nipproteġu l-ambjent ta’ madwarna. Dan iċ-ċentru se jkun ukoll sors ta’ għarfien dwar il-bijodiversità li tinsab f’dan il-masġar, filwaqt li jqajjem kuxjenza dwar prattiċi sostenibbli li lkoll kemm aħna nistgħu nadottaw fil-ħajja ta’ kuljum, għall-futur aktar sostenibbli,” qalet il-Ministru.

Il-Ministru Dalli rringrazzjat lit-tim ta’ Ambjent Malta li ħadem sabiex lesta dan iċ-ċentru edukattiv ġdid u ħeġġithom biex fis-snin li ġejjin ikomplu jinvestu fl-għarfien ambjentali, b’iżjed attivitajiet innovattivi fil-Buskett u fi spazji ħodor miftuħa oħrajn.

Iċ-Ċentru Edukattiv tal-Buskett kien iddisinjat b’mod li jikkumplimenta l-ambjent storiku u s-siġar li jsebbħu dan il-masġar. Dan sar bl-użu tal-ġebla Maltija, b’karatteristiċi arkitettoniċi tradizzjonali. Din il-binja tinkludi sala għall-attivitajiet differenti, uffiċċju għat-tim li se jmexxi l-attivitajiet fiċ-ċentru u faċilitajiet sanitarji. Hija wkoll mgħammra b’kameras tas-sigurtà, wifi u arja kkundizzjonata, għall-kumdità u s-sigurtà tal-viżitaturi.

Id-Direttur tal-Proġetti Ambjentali ta’ Ambjent Malta Josianne Muscat spjegat li permezz ta’ dan iċ-ċentru, Ambjent Malta għandha l-għan li tlaqqa’ flimkien diversi individwi u gruppi, fosthom, skejjel, komunitajiet lokali u negozji, biex tqajjem aktar kuxjenza dwar ir-responsabbiltà li kulħadd għandu lejn l-ambjent. L-enfasi taċ-ċentru se tkun fuq l-edukazzjoni ambjentali u attivitajiet ta’ tħawwil taż-żrieragħ, speċjalment għat-tfal.

“Hekk kif it-tfal tal-iskola jieħdu sehem f’attivitajiet bħal dawn, ikunu qed jiżviluppaw relazzjoni aktar b’saħħitha man-natura filwaqt li jifhmu l-importanza li jippreservaw ir-riżorsi tad-dinja u jipproteġu l-ekosistemi tagħha. Meta jikbru fl-età, iġorru magħhom dawn il-valuri u prattiċi ambjentali u bihom jinfluwenzaw il-komunitajiet, il-postijiet tax-xogħol u d-deċiżjonijiet tagħhom,” qalet Muscat.

Iċ-Ċentru Edukattiv tal-Buskett huwa miftuħ għall-pubbliku kuljum, mit-8:30 ta’ filgħodu sas-1 ta’ waranofsinhar bejn Ġunju u Settembru, u mit-8:30 ta’ filgħodu sat-3 ta’ waranofsinhar bejn Ottubru u Mejju.

Ekonomija

Sport