Monday, August 4, 2025

“Ċert li ż-żgħażagħ jixtiequ jaħdmu għall-ħolm tagħhom”

Aqra wkoll

Talk News f’intervista mal-President il-ġdid ta’ Żgħażagħ Laburisti Miguel Abela

Il-President il-ġdid ta’ Żgħażagħ Laburisti (ŻL) Miguel Abela appella liż-żgħażagħ sabiex jagħmlu l-pass kuraġġuż li jservu, jinvolvu ruħhom u jaħdmu għal Malta li jixtiequ jaraw għada. F’intervista ma’ Talk News, Abela stqarr li minkejja ċertu kummenti li jsiru fuq il-midja soċjali, li kultant ikunu kritiċi, jinsab ċert li ż-żgħażagħ jixtiequ jaħdmu għall-ħolm tagħhom. Fl-istess waqt li jemmen li kull żagħżugħ u żagħżugħa għandhom imqar idea jew ħolma waħda.

Kien hawn fejn Abela qal li l-Partit Laburista qed jagħti liż-żgħażagħ dik l-opportunità. “Fuq kollox aħna għandna nħobbu lil pajjiżna u nkunu kburin bih filwaqt li qatt ma ninsew minn fejn ġejna u kemm ta’ qabilna tħabtu biex illum għandna pajjiż ħieles u miexi ‘l quddiem minkejja ċ-ċokon u l-isfidi kollha. Pajjiżna huwa l-aqwa eżempju għalina li kultant inħossuna żgħar wisq, li mhux ħa naslu, li forsi naħsbu li l-ħolm tagħna ma jistax isir realtà għax għadna żghar, forsi mistħija u għandna oppożizzjoni għal dak li nemmnu. Il-ħolma Maltija rridu nagħmluha l-ħolma tagħna!

“Għandna wkoll nibqgħu nirrispettaw lil xulxin u niftakru li l-ideat ta’ kulħadd huma validi. Aħna ż-żgħażagħ ma rridux naraw politika li tarmi l-ideat ta’ ħaddieħor sempliċiment għax mhux tal-istess twemmin politiku, għax fuq kollox aħna lkoll aħwa Maltin,” tenna Abela.

“Kont mistħi u nżomm lura iżda sibt nies li fetħu jdejhom u laqgħuni mill-ewwel”

Ma’ Talk News, il-President il-ġdid ta’ Żgħażagħ Laburista jgħid li huwa ta’ unur kbir għalih li se jkun qed iservi f’dan l-irwol. “Qatt ma kienet tgħaddili minn moħħi iktar minn seba’ snin ilu meta dħalt għall-ewwel darba fil-fergħa u fl-uffiċini tagħna. Dakinhar kont mistħi u nżomm lura iżda sibt nies li fetħu jdejhom u laqgħuni mill-ewwel.

“Nixtieq nara li jibqa’ jsir l-istess ma’ oħrajn –  nagħtu opportunità lil dawk li jixtiequ jidħlu fix-xena politika u anke dawk li sempliċiment jixtiequ jsemmgħu leħinhom fuq xi kawża jew ħolma importanti għalihom. Is-sabiħ tal-Partit tagħna huwa li irrelevanti minn min int, jew forsi minn fejn ġej, fil-Partit Laburista tista’ tikber,” qal Abela.

Huwa qal li r-responsabbiltajiet tal-president jinkludu fost l-oħrajn koordinament tal-uffiċini varji fi ħdan il-fergħa. Il-membri tal-Eżekuttiv huma kollha inkarigati bi rwoli speċifiċi. “Minbarra li matul is-sena ż-żgħażagħ jipparteċipaw fil-maġġoranza tal-attivitajiet organizzati mill-Partit, aħna naraw li jkollna programm ta’ avvenimenti varji. Il-ħidma tagħna ddur madwar attivitajiet li primarjament jagħtu opportunità liż-żgħażagħ isemmgħu leħinhom, anke mal-Mexxejja ta’ pajjiżna, bla ċensura u b’mod miftuħ. Attivitajiet oħrajn bħal dawk ta’ taħriġ għal dawk li jixtiequ jkomplu l-mixja fil-ħajja pubblika kif ukoll dawk ta’ ‘fundraising’, huma wkoll kruċjali fil-ħidma tagħna. Naraw ukoll li ntellgħu numru ta’ attivitajiet rikreattivi għaliex bejn il-membri tal-fergħa tinbet relazzjoni ta’ ħbiberija ferm iktar milli sempliċiment kollegi. Minn hawn insellem lill-membri kollha għaliex il-fergħa ċertament mhijiex jien jew il-15-il membru fl-Eżekuttiv biss iżda ħafna ikbar.”

X’qed tistenna s-soċjetà miż-żgħażagħ tal-lum u x’qed jistennew huma minn din l-istess soċjetà?

Jiena nemmen li llum is-soċjetà qed tistenna liż-żgħażagħ isemmgħu leħinhom u jkunu lesti sabiex joħorġu b’deċiżjonijiet li jfasslu l-futur tagħna lkoll. Iż-żgħażagħ kienu dejjem dak il-grupp l-aktar kuraġġuż u li ma beżgħux mill-isfidi li ġabu magħhom is-snin. Ċertament, iż-żgħażagħ illum iħarsu lejn il-ħajja b’lenti iktar miftuħa u ħolistika. Naraw kif il-kwalità tal-ħajja tkompli titjieb għal kulħadd u naħseb li għandna niftakru li l-involviment politiku huwa mezz kif nibnu futur li nixtiequ. Fuq kollox għandna nieħdu ħsieb mhux biss lilna nfusna imma lil xulxin.

Liema huma l-isfidi u l-opportunitajiet li qed jgħaddu minnhom iż-żgħażagħ tal-lum?

Fl-aħħar snin l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ f’pajjiżna kibru ferm. Iż-żieda fl-opportunitajiet ta’ studju u xogħol huma xhieda ta’ dan. Ta’ min wieħed jinnota li llum għandna waħda mill-inqas rati ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ kif ukoll rata dejjem tonqos ta’ ‘early school leavers’. Filwaqt li nirrikonoxxu l-għajnuniet li qed jagħti Gvern Laburista b’fost l-oħrajn stipendji li jogħlew sena wara l-oħra, trasport pubbliku b’xejn, miżuri biex iħeġġu aktar attività fiżika kif ukoll skemi ta’ għajnuna għall-‘first time buyers’. Nibqgħu kommessi li nindirizzaw l-isfidi, b’soluzzjonijiet u diskussjoni, filwaqt li ma nikkuntentawx biss b’dak li wettaqna fil-passat, iżda dawn għandhom iservu biex nagħmlu kuraġġ għal iktar.

Int ukoll il-Viċi Sindku ta’ Ħad-Dingli. Agħtina iktar dettalji fosthom kemm titgħallem minn dan ir-rwol?

Għalija huwa ta’ unur li nservi lir-raħal tieghi f’dan ir-rwol. Għalija Ħad-Dingli jfisser ħafna għaliex minn ta’ età żgħira kont involut fil-komunità u għalhekk ma nistax ma nkunx kuntent li naħdem biex raħalna jibqa’ jiġi l-ewwel. Wieħed mill-ikbar sorsi ta’ sodisfazzjon għalija, huwa meta n-nies mal-bonġu ta’ filgħodu jgħadduli xi suġġeriment. Nieħu gost għaliex dik turi li r-residenti għandhom fiduċja fina u jemmnu f’ħidmietna. Xogħolna huwa li filwaqt li naħdmu fuq proġetti u ideat ambizzjużi, inżommu f’moħħna dawk l-affarijiet li forsi jidhru żgħar, però fil-ħajja ta’ kuljum tar-residenti huma kbar. Minn hawn nixtieq ukoll insellem lid-Dinglin kollha speċjalment f’dawn il-ġranet sbieħ qrib il-festa tal-għażiża, Santa Marija.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek? Tikkunsidra li ’l quddiem tikkontesta l-Elezzjoni Ġenerali f’isem il-Partit Laburista?

Il-ħolma tiegħi dejjem kienet li nkun nista’ nservi u nħossni grat immens għal dawk kollha li juru fiduċja mhux biss fija, imma fina ż-żgħażagħ b’mod ġenerali. Nemmen li huwa sabiħ li tesperjenza dak kollu li għandu x’joffri l-partit u l-politika, u li tikber pass pass – għaliex ma tista’ qatt tieqaf titgħallem minn dawk li jkunu ġew qablek. Ċertament li fil-mument ninsab iffukat biss fuq il-ħidma lokali kif ukoll fuq ir-rwol ġdid tiegħi bħala president taż-Żgħażagħ Laburisti li fuq kollox huma l-futur mhux biss tal-Partit iżda tal-pajjiż. 

Fir-rigward tal-Elezzjoni Ġenerali naħseb li jkun l-akbar sodisfazzjon għalija jekk nara li l-Partit Laburista għal darb’oħra jerġa’ jagħti fiduċja fiż-żgħażagħ billi jkun hemm kandidatura żagħżugħa b’saħħitha. Xi ħaġa li tkompli tibni fuq il-bidla fl-età tal-ivvutar għal 16-il sena – xi ħaġa li gawdejt minnha jiena stess u li ġiet xprunata miż-Żgħażagħ Laburisti. Jiena fir-rwol tiegħi bħala president taż-Żgħażagħ Laburisti se nkun iffukat fuq dan. Iż-żgħażagħ tagħna ħaqqhom l-opportunità u t-‘track record’ tal-PL jitkellem waħdu fuq hekk.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport