Saturday, December 21, 2024

“Ċertament għall-kumplament ta’ din ix-xitwa m’aħniex naraw li nagħtu r-raba’ doża” – id-DPM

Aqra wkoll

“F’dan l-istadju m’aħniex qed naraw li se jkun hemm bżonn ir-raba’ vaċċin, ċertament sakemm ma tidħolx ħarifa oħra.”

Qal dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqt il-programm Topik li jixxandar fuq l-istazzjon nazzjonali.

Id-Deputat Prim Ministru qal li l-ġimgħa li għaddiet attenda għal laqgħa mal-Ministri tas-Saħħa tal-membri stati tal-Unjoni Ewropea, mal-Kummissjoni Ewropea, l-ECDC u l-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini.

F’dan ir-rigward huwa qal: “Il-konsensus jidher li hu li f’dan l-istadju ma jidhirx li għandna bżonn, ċertament għall-poplu ġenerali, ir-raba’ doża. Jista’ jkun li naslu f’sitwazzjoni li niġu bħall-influwenza fejn hemmhekk darba kull sena noffru t-tilqima tal-influwenza. Jista’ jkun li jiġri hekk anke bil-Covid. F’dak il-każ aħna preparati u għandna biżżejjed dożi biex jekk ikollna bżonn nagħtu tilqima darba fis-sena, għandna l-preparazzjoni għaliha. Ovjament tkun volontarja, imma ċertament għall-kumplament ta’ din ix-xitwa m’aħniex naraw li nagħtu r-raba’ doża.”

Waqt l-istess programm huwa tkellem dwar il-pjan ta’ rilaxx fil-miżuri li jaffettaw it-tiġijiet, fost oħrajn.

F’dan ir-rigward huwa qal: “Bejn dak li ħabbarna li ħa jiġri sal-14 ta’ Frar u d-data tal-aħħar ta’ April, Mejju, hemm passi oħrajn li se nkunu qegħdin inħabbruhom, inkluż x’ser jiġri fit-tiġijiet, inkluż x’ser jiġri fin-nightclubs, inkluż dak li se jiġri fl-istanding events, inkluż il-kwarantina.”

Ekonomija

Sport