Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, il-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi, warrab allegazzjonijiet li kienu saru fil-konfront tal-eks Ministru Clayton Bartolo b’rabta maċ-ċelebrazzjoni tat-tieġ tiegħu fis-sajf tal-2024.
Kien f’Lulju tas-sena li għaddiet, Matthew Agius kien ressaq ilment dwar Clayton Bartolo, dak iż-żmien Ministru tat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika, quddiem il-Kummissarju tal-Istandards.
L-ilmentatur talab li tiġi investigata l-għażla tal-post fejn sar ir-riċeviment tat-tieġ ta’ Bartolo, jekk kinitx etika u jekk kienx hemm kunflitt ta’ interess fl-istess għażla, dan għaliex is-sidien tal-proprjetà fejn sar ir-riċeviment joperaw fil-qasam tat-turiżmu u/jew l-ospitalità.
Mill-provi li tressqu quddiem il-Kummissarju għall-Istandards irriżulta li l-Onor. Bartolo ħallas l-ammont ta’ €110,000 għas-sala, l-ikel u s-servizzi provduti mill-istabbiliment Manta by the Sea, kif ukoll l-ammont ta’ €13,762 għal-loġistika relatata mal-użu ta’ żewġ bastimenti.
“Dawn huma somom sostanzjali u mad-daqqa t’għajn ma jidhrux li huma rati preferenzjali. Dan l-Uffiċċju m’għandu l-ebda bażi fuqiex jista’ jiskarta xhieda taċ-Chief Financial Officer tad-db Group li l-Onor. Bartolo ħallas rata normali għar-riċeviment tat-tieġ tiegħu.
“Ġaladarba dan huwa l-każ, is-sottoskrittt ma jidhirlux li l-allegazzjonijiet kwantu li l-Onor. Bartolo kellu kunflitt ta’ interess marbut mal-post tar-riċeviment u l-bastimenti huma fondati,” qal il-Kummissarju tal-Istandards. Kien għalhekk li ddikjara li l-ilment mhuwiex fondat.
B’reazzjoni fuq Facebook, id-Deputat Indipendenti Clayton Bartolo qal li “ftit iżjed minn sena ilu, propjament l-għada li jien u marti Amanda żżewwiġna, kien hemm min ħass li kellu jivvinta allegazzjoni u jtellaq pjan perikoluż ħafna li l-għan aħħari tiegħu kien li jkisser lili u lil familti.”
Bartolo qal li wara l-allegazzjonijiet li saru u investigazzjonijiet li ħadet il-kors tagħha, il-Kummissarju tal-Istandards ippubblika r-rapport tiegħu li juri b’mod ċar li fl-ebda ħin ma kien hemm użu ta’ fondi pubbliċi dakinhar tat-tieġ tagħhom. Qal li dan kien ċertifikat ċar li dawn kienu allegazzjonijiet intenzjonati biss li jweġġgħu personalment.
Huwa staqsa x’rimedji hemm għall-familji u l-qraba tagħhom li kien hemm min għaddiehom minn martirju bla bżonn. “Kull min tefa’ l-ġebla m’għandux jaħbi idu għax illum iktar minn qatt qabel ikun qiegħed juri kemm hu ġifa, iżda jrid jerfa’ r-responsabbilità politika għal għemilu,” temm jgħid Bartolo.