Id-djalogu soċjali f’pajjiżna huwa proċess b’saħħtu ta’ konsultazzjoni bejn l-imsieħba soċjali. U allaħares ma kienx hekk għaliex il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) kien ikun kunsill irrilevanti.
Iżda ż-żmien kemm dan il-proċess huwa wieħed kruċjali saħansitra ġie mhux biss konfermat imma ċċertikat mill-Kummissarju Ewropew għax-Xogħol u l-Ġustizzja Soċjali Nicolas Schmit waqt żjara li għamel f’pajjiżna.
Dan huwa kuntrarjament għal min illum għadu jtenni li l-MCESD huwa biss “a talking shop”. Nemmnu imma li dan il-Kunsill jista’ jkompli jiżviluppa aktar u joħroġ b’ideat li jagħmlu sens u li jkunu fl-interess tal-ġid komuni.
Nemmnu wkoll li dan il-proċess se jsir bl-għajnuna tal-imsieħba soċjali kollha partikolarment miċ-Ċermen, il-Perit David Xuereb, li huwa bniedem ta’ esperjenza vasta fil-qasam tar-relazzjonijiet industrijali.
Huwa ta’ sodisfazzjon għalina ninnutaw kliem l-istess Kummissarju Schmit li fil-qasam tad-djalogu soċjali mhux biss miexi fid-direzzjoni t-tajba imma wkoll li l-livell ta’ djalogu qed jilqa’ għat-tranżizzjoni diġitali u dik ambjentali fid-dinja tax-xogħol.
L-iżvilupp li jista’ qed jgħaddi minnu dan il-Kunsill jirrifletti wkoll l-impenn u l-viżjoni tal-Gvern biex kif qal is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul pajjiżna jilqa’ għall-isfidi u jwettaq il-bidliet kollha neċessarji biex l-ekonomija tibqa’ waħda sostenibbli u b’saħħitha. Dan filwaqt li jkompli jissaħħu d-drittijiet tal-ħaddiema.
F’dan il-kuntest, il-GWU, bħala waħda mill-imsieħba soċjali, hija impenjata li tkompli taħdem biex id-djalogu soċjali jibqa’ wieħed b’saħħtu u jaqdi l-funzjoni proprja tiegħu. Tant li f’din id-direzzjoni, il-GWU ressqet diversi proposti biex ikunu diskussi fl-istess Kunsill fosthom l-introduzzjoni tal-kunċett tal-living income sabiex il-ħaddiema u l-familji tagħhom jgħixu kwalità ta’ ħajja aħjar.
Dan għax il-unjin temmen li t-titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema mhumiex limitati biss għan-negozjar kollettiv imma wkoll għandhom ikunu mifruxa għal fuq oqsma oħra fosthom l-MCESD, li huwa l-post proprju fejn jiġu diskussi materji ta’ interess nazzjonali.
Aħna fiduċjużi li l-proċess kollu se jsib l-appoġġ kollu tal-Gvern kif ukoll ta’ dawk kollha li b’xi mod huma involuti fl-ekonomiaja ta’ pajjiżna.