Saturday, November 23, 2024

“Ċertifikat ta’ eċċellenza għax-xogħol li għamlu s-suldati”

Aqra wkoll

L-Avukat Herman Mula, li assista lill-uffiċjali u l-membri tal-FAM, jirreaġixxi għall-konklużjonijiet tal-inkjesta dwar l-immigranti

Minn CLAUDIO COLEIRO

“L-inkjesta mhux talli sabitx evidenza diretta, li tinkolpa lill-persuni li jkunu qed jiġi allegat fuqhom, imma lanqas evidenza ċirkostanzjali, li tkun sekondarja illi biex tkun prova jrid ikun hemm ħafna minnha jew ikkorraborata. Il-fatt li ma kienx hemm din l-evidenza ċirkostanzjali jirrifletti li s-suldati ħadmu b’mod eċċellenti. Dan mhu xejn ħlief ċertifikat ta’ eċċellenza għax-xogħol li għamlu.”

Iddikjara dan l-Avukat Herman Mula, li flimkien mal-GWU iddefenda l-interessi tas-suldati fl-inkjesta li saret wara denunzja mill-għaqda Repubblika dwar allegat qtil volontarju ta’ persuni fiż-żona ta’ tiftix u s-salvataġġ ta’ Malta, f’kummenti li ta lil Inewsmalta.   

L-inkjesta li saret mill-Maġistrat Joe Mifsud stabbiliet li d-denunzji ma kinux imsejsa fuq il-provi, li l-Prim Ministru Robert Abela u l-Brigadier Jeffrey Curmi ma kienu nvoluti f’ebda omiċidju volontarju ta’ immigranti regolari u li l-ekwipaġġ tal-P52 ma wettaq ebda tentattiv ta’ omiċidju ta’ immigranti rregolari. 

L-Avukat Mula esprima s-sodisfazzjon għall-eżitu tal-inkjesta u sostna li din “kienet konferma ta’ dak li konna qed ngħidu mill-bidu nett li bdiet l-inkjesta.” 

Qal li mill-istħarriġ li kien għamel, mill-ewwel kien wasal għal konklużjoni li s-suldati, b’mod partikolari dawk tal-P52 li kienu involuti fis-salvataġġ, mhux talli m’għamlux dak li kien qed jiġi allegat fuqhom imma talli ħadmu b’mod eċċellenti. “Fil-fatt, il-konklużjoni tal-inkjesta tikkonferma dan,” qal Dr Mula. 

Mistoqsi dwar l-impatt li ħallew l-allegazzjonijiet fuq is-suldati, huwa qal li, “bla dubju allegazzjonijiet bħal dawn se jimpattaw b’mod tremed. Naħseb li anke kieku allegaw xi ħaġa frivola u żgħira, xi ħaġa kontravvenzjonali li teħel ammenda wkoll kienu jeħduha bi kbira għax dawn fix-xogħol tagħhom għandhom xogħol ta’ ċertu portata, ta’ ċertu unur, li peress li jilbsu uniformi jridu jaraw li ma jsirux mhux jagħmluhom. Meta takkużahom b’tentattiv ta’ omiċidju, qed nitkellmu fuq l-iktar reat gravi li jeżisti fil-Kodiċi Kriminali, din affettwathom hażin ħafna.”

Mistoqsi x’se jkun il-pass li jmiss min-naħa tagħhom, huwa qal li l-inkjesta hi pjuttost voluminuża u li m’huma qed jeskludu xejn. Qal li din l-inkjesta se jidħlu fiha fid-dettall fejn se jaraw ix-xogħol li sar min-naħa tal-esperti u r-riżultanzi li saru fir-relazzjonijiet rispettivi tagħhom.

Qal li se jaraw ukoll jekk kienx hemm responsabbiltà kemm kriminali u kif ukoll min-naħa ċivili ta’ min għamel id-denunzja u jekk ikun il-każ jimxu minn hemm. Pero’ tenna li f’dan l-istadju huwa prematur biex wieħed jasal għall-konklużjoni li kien hemm xi ħaġa ħażina min-naħa ta’ min għamel id-denunzja.

“Dan huwa stadju ta’ riflessjoni, ta’ studju tal-inkjesta. Żgur li mhux se nagħmlu l-istess żball li għamlu l-persuni li qagħdu fuq allegazzjoni li saret fuq artiklu ta’ xi ħadd li ma kien attendibbli xejn u naqbdu u ngħaġġlu b’dak il-mod,” temm jgħid Dr Mula. 

Sport