Sunday, November 24, 2024

Ċess: Colin Pace champion ta’ Malta 2023

Aqra wkoll

L-istaġun lokali taċ-ċess kompetittiv għal din is-sena 2023, ġie fi tmiemu b’numru ta’ logħob fil-kampjonati nazzjonali, minn fejn ħarġu numru ta’ titli f’kategoriji varji. It-88 edizzjoni tal-kampjonat ewlieni, dak nazzjonali, din is-sena intlagħab bi tmien parteċipanti jieħdu sehem fuq sistema ta’ double round robin. Dan ifisser li kull kompetitur lagħab kontra xulxin darbtejn, darba bl-abjad, u darba bl-iswed, għal total ta’ 14-il round.

Erba’ ex-kampjonati Maltin (Colin Pace, Jake Darmanin, Patrick Zerafa u Peter Sammut Briffa), ħadu sehem flimkien mal-kampjonat renjanti tal-2022, David Cilia Vincenti. Il-bqija tal-plejers kienu komposti mill-junior champion żagħżugħ Jack Mizzi, Alberto Farah u Robert Novak, li hu l-plejer bl-ogħla rating.

Iċ-Champion tal-2022 Cilia Vincenti, kellu bidu iebes, hekk kif spiċċa akkwista punt wieħed biss mill-ewwel sett ta’ logħbiet. Huwa rkupra fit-tieni sett, permess ta’ 3.5 punti oħra. Novak, li beda fil-quċċata tal-klassifika, kien qed jipparteċipa għall-ewwel darba f’kampjonat finali Malti. Huwa wkoll kellu bidu iebes wara t-telf tal-ewwel tliet logħbiet. Minkejja l-attentat tiegħu biex jirkupra l-punteġġ, kien jidher ċar li kien tard wisq biex ilaħħaq mal-avversarji li kienu jinsabu fuq quddiem tal-kompetizzjoni.

Wara l-ewwel sett ta’ logħob, kien evidenti li l-kompetizzjoni għat-titlu kienet bejn Pace u Darmanin, li kienu qed jiddominaw fuq quddiem. Pace kien il-favorit b’6 punti minn 7, filwaqt li Darmanin kien qed isegwi viċin fuq ħames punti.

Fit-tieni round ta’ logħob, Pace żamm konsistenti u rnexxielu jispiċċa l-kampjonat mingħajr ebda telfa’, filwaqt li Darmanin sofra żewġ telfiet, waħda kontra Farah u l-oħra kontra Sammut Briffa. Mizzi, ta’ sbatax-il sena, kellu kampjonat pożittiv u kien qed jokkupa għal żmien twil, it-tieni post tal-klassifika, sal-aħħar round tal-kompetizzjoni. Eventwalment huwa spiċċa draw kontra Novak, biex b’hekk ikklassifika fil-pożizzjoni rispettabbli tar-raba’ post.

Zerafa ikkonferma r-ritorn tiegħu fix-xena lokali taċ-ċess b’suċċess, hekk kif wara sentejn nieqes, huwa rnexxielu jispiċċa fit-tielet post. Darmanin eventwalment ikklassifika fit-tieni post, u b’hekk huwa jikkwalifika b’mod awtomatiku għal Finali tas-sena d-dieħla.

Din hija d-disa’ rebħa ta’ Pace fil-Kampjonati Nazzjonali, u permezz ta’ din ir-rebħa, huwa ikkonfermat bħala t-tielet l-iktar plejer Malti taċ-Ċess ta’ suċċess, li qatt rat ix-xena lokali.

Tista’ ssib l-informazzjoni kollha tal-kampjonat hawnhekk:

https://chess-results.com/tnr813959.aspx?lan=1&art=1&fed=MLT

Sport