Wednesday, October 15, 2025

Ċess: Jack Mizzi jikseb it-titlu ta’ Malta Champion 2025

Aqra wkoll

Jack Mizzi, mill-Mosta, rebaħ it-tieni Kampjonat konsekuttiv tiegħu meta ħareġ rebbieħ fil-Finali tad-90 Kampjonat taċ-Ċess lokali. Bħal ma ġara fl-edizzjoni tas-sena l-oħra, Mizzi, li għandu 19-il sena, baqa’ mingħajr telfa matul it-turnew kollu. Ir-riżultat tiegħu ta’ 9 punti minn 10 huwa wieħed mill-aqwa prestazzjonijiet fl-istorja ta’ dan il-kampjonat. Mizzi rebaħ lill-avversarji tiegħu kollha darbtejn, ħlief kontra Robert Novak, fejn iż-żewġ logħbiet spiċċaw fi draw. Mizzi wera dominazzjoni assoluta, mhux biss strateġikament fil-ħila pożizzjonali tiegħu, iżda wkoll fil-kapaċità tat-tattika ta’ difiża minn pożizzjonijiet diffiċli ħafna.  Filfatt  spiss irnexxielu jibdel logħbiet li kienu ħa jispiċċaw draw, f’ rebħa.

Robert Novak spiċċa fit-tieni post, riżultat simili tas-sena l-oħra. Novak kellu bidu iebes b’żewġ telfiet u żewġ draws fl-ewwel erba’ logħbiet. Madankollu, irnexxielu jirkupra tajjeb u rebaħ il-partiti kollha ta’ wara; ħlief għal draw waħda kontra Mizzi. Novak, li hu l-kowċ nazzjonali ta’ Malta, kien ippreparat sewwa fit-teorija tal-openings, u b’hekk kienet faċli għalih li jassigura l-pożizzjoni ta’ runner-up, b’żewġ punti aktar minn Matthew Portelli fit-tielet post. Għal Portelli dan kien it-tieni kampjonat tiegħu. Huwa impressjona ferm hekk kif għad għandu biss 13-il sena. Huwa diġà stabbilixxa ruħu bħala wieħed mill-aqwa plejers Maltin u rnexxielu wkoll jikseb post fil-kontinġent tas-senior team li se jieħu sehem fil-logħob ESNA (Il-logħob tal-pajjiżi ż-żgħar) li se jsiru f’Novembru. Portelli tejjeb fuq ir-riżultat tas-sena l-oħra u kiseb it-tielet post. Huwa tilef il-logħob tiegħu kontra Mizzi u Novak, irnexxielu jġib żewġ draws kontra Colin Pace, u rebaħ kontra Jake Darmanin (2-0) u Matthias Gatt (1.5-0.5).

L-aktar kompetitur esperjenzat u ta’ suċċess, Colin Pace, kellu bidu pjuttost kwiet. Wara erba’ logħbiet, kien kiseb tliet draws u telfa. L-ewwel rebħa tiegħu waslet fil-ħames round kontra Darmanin, iżda mbagħad tilef kontra Novak u Mizzi fis-sitt u s-seba’ logħbiet rispettivament. It-telfa tiegħu kontra Mizzi kienet partikularment iebsa, billi kellu pożizzjoni kompletament mirbuħa f’nofs il-kumplikazzjonijiet tal-middlegame. Pace spiċċa fir-raba’ post b’4 punti.

Jake Darmanin kellu bidu tajjeb b’żewġ rebħiet iżda mbagħad tilef ir-ritmu bi tliet telfiet konsekuttivi. Huwa temm it-turnew fil-ħames post b’3.5 punti.

Fil-kampjonat kellna wkoll id-debutt ta’ Matthias Gatt. Minħabba l-parteċipazzjoni tiegħu fil-Logħob Universitarji Ewropej, Gatt kellu jilgħab l-għaxar partiti tiegħu f’għaxart’ijiem konsekuttivi – sfida diffiċli u fiżikament eżawrenti. Minkejja dan, huwa rnexxielu jiġbor 2.5 punti permezz ta’ rebħa kontra Novak u żewġ draws kontra Pace u Portelli.

Klassifika Finali

Id-dettalji sħaħ jinsabu fuq is-sit: https://s2.chess-results.com/tnr1235425.aspx

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport