Monday, September 8, 2025

Ċess: Matthew Portelli jirbaħ it-Turnew tal-Kandidati

Aqra wkoll

Il-Junior Champion Nazzjonali attwali, Matthew Portelli, kiseb riżultat ieħor eċċellenti permezz tar-rebħ tiegħu tat-Turnew tal-Kandidati 2025. Portelli spiċċa b’riżultat totali ta’ 5.5 punti minn 7 logħbiet, b’4 rebħiet u 3 draws, mingħajr ma sofra l-ebda telfa. Din hija t-tieni kwalifika ta’ Portelli għall-Finali u t-tielet rebħa ta’ turnew lokali għal din is-sena.

F’dan it-turnew rajna wkoll wirjiet impressjonanti minn parteċipanti oħra. Matthias Gatt ta prestazzjoni eċċellenti, fejn rebaħ ħames logħbiet, filwaqt li għeleb erba’ eks champions Maltin. Permezz tar-riżultat tiegħu, huwa kiseb it-tieni post u b’hekk irnexxielu jikkwalifika għal Finali għall-ewwel darba. 

Il-favorit Colin Pace, li kien ukoll champion nazzjonali għal disa’ darbiet, ikkonferma l-post tiegħu fost il-favoriti, hekk kif temm il-kampjonat fit-tielet post b’erba’ rebħiet u żewġ draws. L-eks champion nazzjonali Jake Darmanin, kiseb l-aħħar post għal kwalifikazzjoni, hekk kif irkupra minn bidu kemxejn dgħajjef, u rebaħ  erba’ logħbiet konsekuttivi biex temm it-turnew b’ħames punti.

L-erba’ plejers, Portelli, Gatt, Pace u Darmanin, issa ser jingħaqdu maċ-champion renjanti Jack Mizzi u r-runner-up tas-sena l-oħra, Robert Attila Novak, fil-Finali tal-Kampjonat Nazzjonali taċ-Ċess, li huma skedati għal Settembru. 

Ir-riżultati sħaħ tat-turnew jinsabu fuq dan is-sit: https://s2.chess-results.com/tnr1213251.aspx?lan=1&SNode=S0

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport