Friday, September 19, 2025

Challenge Cup tas-snooker: Malta titlef l-ewwel logħba kontra Franza

Aqra wkoll

It-tim Malti li qiegħed jieħu sehem fl-edizzjoni ta’ din is-sena tal-International Challenge Cup tas-Snooker tilef l-ewwel logħba tiegħu kontra Franza, l-pajjiż li qed jospita din l-edizzjoni f’Dunkerque. F’din il-kompetizzjoni dak li jgħodd huma n-numru ta’ frames li pajjiż jirnexxielu jirbaħ minn 27 frame li jridu jintlagħbu f’kull logħba.

Id-disa’ plejers Maltin kollettivament spiċċaw b’punteġġ ta’ 16-11 minn taħt kontra t-tim Franċiż, li f’pajjiżhom stess għażlu biex jikkompetu bl-aħħar plejers amateurs tal-mument. Fil-fatt aktar kmieni huma rebħu anke’ liċ-champions renjanti, tar-Repubblika Irlandiża, bl-iskor ta’ 15 bi 12.

Għat-tim Malti, mill-kategorija Masters, Arthur Cachia ma tilef l-ebda frame u rebaħ 3-0 kontra Jérôme Chatet, filwaqt li Philip Ciantar u Frans Mintoff rebħu bl-iskor ta’ 2-1 kontra Yann Lanvin u Jean Marc Beauchamp rispettivament. Fl-istess diviżjoni, Tony Mifsud tilef 3-0 kontra Greg Kopec.

Fil-kategorija tal-irġiel l-uniku rebħa Maltija ġiet minn Chris Peplow li rebaħ, 2-1, kontra Nicolas Mortreux. Joseph Casha tilef bl-iskor ta’ 2-1, bl-avversarju tiegħu jkun Yannick Poulain filwaqt li kemm Isaac Borg kif ukoll John Farrugia ma rebħu l-ebda frame kontra Fabian Monin u Neil Vincent rispettivament. Kemm Borg kif ukoll Farrugia t-tnejn setgħu rebħu faċilment l-aħħar frame li kieku l-plejers Franċiżi ma kellhomx mumenti ta’ fortuna meta kien jonqos l-aħħar boċċi fuq il-mejda.

Iż-żagħżugħ Xavier Rizzo fil-kategorija tal-Juniors tilef bil-punteġġ ta’ 2-1 kontra l-avversarju Franċiż f’din il-kategorija li huwa Matéo Ochoiski.

Fil-logħba l-oħra li nlagħbet fl-ewwel ġurnata l-Iskozja għelbu lill-Irlanda ta’ Fuq, 18-9, biex il-klassifika wara l-ewwel jum ta’ kompetizzjoni tara lill-Franza fil-quċċata wara żewġ logħbiet b’31 frame. L-erba’ pajjiżi l-oħra lagħbu partita waħda biss u l-Iskozja tinsab it-tieni bi 18 -il frame, r-Repubblika Irlandiża t-tielet bi 12 -il frame, Malta r-raba’ bi 11 -il frame u fl-aħħar post l-Irlanda ta’ Fuq b’9 frames.

Fit-tieni konfront illum Malta jmissha tilgħab kontra l-Iskozja.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport