Hamrun Spartans …....0
Dinamo Kiev …………..3
Minn Cristian Muscat
F’partita valida mill-ewwel leg tat-tieni round ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Champions League, Hamrun Spartans kellhom ibaxxu rashom quddiem il-qawwa ta’ Dinamo Kiev hekk kif sfaw megħluba bl-iskor ta’ 3-0.
L-Ispartans kellhom bidu nkoraġġanti hekk kif kienu huma li ħolqu l-ewwel periklu proprju fil-11-il minuta meta Eder kellu l-konklużjoni tiegħu ikklerjata fil-ħin f’corner mid-difiża Ukrena.
Iżda kienu Dinamo Kiev li fetħu l-iskor żewġ minuti biss wara meta minn azzjoni korali bejn diversi players tagħhom, Vladyslav Vanat approfitta minn żball fid-difiża Ħamruniża u minn taħt il-lasti tefa’ ġewwa.
Fit-28 minuta, Dinamo Kiev, kienu għoddhom irduppjaw meta Vanat qabeż lill-goalkeeper Henry Bonello iżda kellu l-konklużjoni taħbat max-xibka minn barra.
Fl-44 minuta, l-Ukreni reġgħu heddew u l-konklużjoni mill-viċin ta’ Vladyslav Kabaiev ġiet imblukkata mid-difiża ta’ Hamrun biex evitaw li jsofru t-tieni goal.
Fil-ħin miżjud Dinamo Kiev kellhom ferħa bla temma meta, wara li rċieva minn free-kick ta’ Vitaly Buyalskyi, permezz ta’ daqqa ta’ ras preċiza mill-viċin Denys Popov tefa’ gewwa, iżda dan il-goal ġie mħassar għal offside wara konsultazzjoni mal-VAR.
Minuta mill-ftuħ tat-tieni taqsima, l-Ukreni resqu viċin meta Vitaly Buyalskyi seta’ faċilment ikkontrolla tajjeb iżda minflok laqat il-ballun ferm ħażin, bl-azzjoni tisfuma fix-xejn.
Dinamo komplew jiddominaw u, fit-68 minuta, cross-shot ta’ Vladyslav Dubinchak ġie maqlugħ minn fuq il-linja fatali.
Hamrun wieġbu għall-ewwel darba fil-75 minuta, meta minn azzjoni ta’ free-kick, minn qagħda ideali Serigne Thioune xeħet barra bi spalltu.
Minuta wara, l-Ukreni rdoppjaw meta Vitaliy Buyalskyy venven xutt minn tarf il-kaxxa li qarraq għal kollox b’Bonello, hekk kif il-ballun ġie devjat għal ġewwa minn player ta’ Hamrun.
Fit-78 minuta, kien Sven Xerri li evita goal għall-Ispartans meta salva minn fuq il-linja fatali x-xutt ta’ Mykola Shaparenko.
Iżda, fit-93 minuta, Nazar Voloshyn, issiġilla r-rebħa meta kompla l-ballun għal ġewwa.
HAMRUN S.: 1-Henry Bonello, 2-Rafael Compri (3-Nikolai Micallef 89), 10-Joseph Essien Mbong, 13-Vincenzo Polito (47-Mouad El Fanis 37), 19-N’Dri Philepep Koffi (5-Sven Xerri 78), 20-Jovan Cadjenovic, 25-Eder (9-Serigne Thioune 78), 27-Ognjen Bjelicic, 33-Domantas Simkus, 91-Emerson Marcelina, 94-Ryan Camenzuli – Coach: Giacomo Modica
DINAMO K.: 35-Ruslan Neschcheret, 4-Denys Popov, 7-Andriy Yarmolenko (9-Nazar Voloshyn 67), 8-Oleksandr Pikhalonok (10-Mykola Shaparenko 67), 11-Vladyslav Vanat, 18-Oleksandr Tymchyk, 22-Vladyslav Kabaiev (99-Matvii Ponomarenko 80), 29-Vitaly Buyalskyi (6-Volodymyr Brazhko 80), 32-Taras Mykhavko, 44-Vladyslav Dubinchak, 91-Mykola Mykhailenko – Coach: Oleksandr Shovkovskyi
referee: Cesar Soto Grado (Spanja)
ASS. refereeS: Carlos Alvarez Fernandez, Ruben Becerril Gomez (Spanja)
RABA’ UFF: Victor Garcia Verdura (Spain)
SKORERS: V. Vanat 13, V. Buyalskyi 76, N. Voloshyn 93 (DK)
AMMONITI: O. Bjelicic, D. Simkus, J. E. Mbong, Eder (H), V. Vanat, D. Popov, A. Yarmolenko (DK)