Tuesday, July 22, 2025

Champions League: Hamrun Spartans jilqgħu lit-team qawwi ta’ Dinamo Kiev

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Illum, iċ-champions Maltin, Hamrun Spartans, jilqgħu lit-team qawwi Ukren ta’ Dinamo Kiev f’partita valida mit-tieni round ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Champions League.

Din il-konfront ifisser ukoll pass importanti għall-Ispartans, wara li kisbu kwalifikazzjoni storika f’din il-kompetizzjoni meta fir-round preċedenti għelbu lil FK Zalgiris tal-Litwanja, 11-10 f’maratona ta’ 28 penalties wara li temmew f’aggregate ta’ 2-2.

Fil-fatt wara li l-konfront f’Vilnius spiċċa b’rebħa ta’ 2-0 għal-Litwani, il-Ħamruniżi rreċiprokaw bl-istess skor biex it-tieni leg kellu jmur fil-ħin barrani u eventwalment wara ħafna taqtiegħ ta’ qalb, il-Maltin irnexxielhom joħorġu rebbieħa.

L-iskor ta’ 11-10 jikklassifika fil-ħames post fil-kompetizzjonijiet Ewropej flim­kien ma’ Skonto Riga v Olimpija Ljubljana (Champions League – 1 ta’ Settembru 1993); IK Start v Drogheda United (Tazza UEFA – 24 ta’ Awwissu 2006); Villarreal v Manchester United (finali tal-Europa League, 26 ta’ Mejju 2021) … bl-ewwel post ikun dak ta’  Gzira United kontra Glentoran (14-13) fl-20 ta’ Lulju, 2023, fil-UEFA Conference League. 

Intant, f’dawn żewġ logħbiet, spikkaw il-players barranin ta’ Hamrun li huma ta’ livell ferm superjuri minn dawk li kel­lhom fl-istaġun li għadda b’uħud minnhom li għalkemm ġodda għall-football domestiku, jidhru li diġá ssetiljaw fl-ambjent kalċistiku Malti u, bla dubju, taħt il-coach il-ġdid, Giacomo Modica, irridu naraw l-aħjar tagħhom mal-kors ta’ dan l-istaġun. 

Dinamo Kiev huma wieħed mill-aktar timijiet rinomati u b’saħħithom fl-Ewropa tal-Lvant, b’ħafna storja ta’ suċċessi domestiċi u Ewropej.

Il-club, ibbażat fil-belt kapitali tal-Ukraj­na, ilu jopera għal aktar minn seklu u għandu reputazzjoni kbira.

Bla dubju, dan it-team ma għandu bżonn tal-ebda introduzzjoni hekk kif rebaħ il-kampjonat 17-il darba, u pparteċipa b’mod regolari fil-kompetizzjonijiet Ewropej.

Peró, sfortunatament, minħabba l-gwer­ra bejn l-Ukrajna u r-Russja li ilha sejra għal dawn l-aħħar sentejn u nofs, il-club kellu jibdel l-istrateġija tiegħu. Illum it-team huma kompost minn bosta żgħażagħ b’taħlita ta’ players ta’ esperjenza. 

Minħabba l-fatt li l-kampjonat Ukren jinsab wieqaf minħabba l-btajjel tas-sajf, bħal dak ta’ Malta, Dinamo Kiev lagħbu tliet partiti ta’ ħbiberija li fihom tilfu kontra Osijek 1-0 u Midtjylland 3-1 u spiċċaw fi draw ta’ 0-0 kontra Cornivul.

Dinamo Kiev se jkunu r-raba’ team Ukren li se jilgħab kontra timijiet Maltin, bit-tlieta l-oħra, kollha fit-Tazza UEFA, jkunu Chernomorets Odesa  (v Hibernians  5-2 2-0) f’Awwissu 1995;  Shakhtar Donetsk (v Birkirkara 2-1 4-0) f’Lulju 1998 u Metalurg Zaporizhzhya (v Birkirkara 3-0 0-0)  f’Awwissu 2002.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport