Is-sewwieq minn Monaco, Charles Leclerc, rebaħ il-Grand Prix ta’ Monza biex ta dan it-trijonf lit-team tal-Ferrari quddiem il-pubbliku Taljan stess … meta waqqaf l-arloġġ f’ħin ta’ 1:14:40.727.
Il-Brittaniku, Lando Norris (McLaren) li kien fil-pole position tilef il-vantaġġ mal-ewwel chicane hekk kif il-kollega tiegħu, l-Awstraljan, Oscar Piastri sab l-ispazju biex aċċellera u xeħet lilu nnifsu fuq quddiem. Anke Leclerc irnexxielu jaqbeż lis-sewwieq Brittaniku li deher li tilef il- konċentrazzjoni għall-frazzjoni ta’ sekonda.
Huwa qatt ma rkupra minn dan l-iżball biex l-isfida dehret li kienet se tkun bejn Leclerc u Piastri li spiċċaw fl-ewwel u fit-tieni pożizzjonijiet.
Ir-rebħa kienet waħda strateġika hekk kif Leclerc daħal fil-pitstop darba waħda biss filwaqt li Piastri u Norris daħlu darbtejn bil-konsegwenza li rebaħ ħafna sekondi minkejja li kien qed jirriskja minħabba d-deterjorazzjoni tat-tyres.
Iżda huwa mexxa l-karozza tiegħu bil-għaqal biex temm fl-ewwel post. Wara t-tiġrija kien evidenti d-diżappunt fuq wiċċ Norris li kien qed jimmira li joħroġ rebbieħa biex ikompli jixħet il-pressjoni fuq il-leader, l-Olandiż, Max Verstappen (Red Bull) li temm fis-sitt post.
Fir-raba’ post spiċċa l-Ispanjol Carlos Sainz (Ferrari) segwit mill-Brittaniku Lewis Hamilton (Mercedes).
Meta fadal tmien tiġrijiet oħra għat- tmiem, il-klassfika ġenerali hija (ta’ fuq): 303 – Max Verstappen; 241 – Lando Norris; 217 – Charles Leclerc; 197 – Oscar Piastri; 184 – Carlos Sainz; 164 – Lewis Hamilton.