Ritratt: JOE GRECH
Nhar il-Ħadd 9 ta’ Awwissu 2020, fi tmiem il-funzjoni tal-Griżma tal-Isqof fis-Santwarju arċipretali tal-Madonna ta’ Loreto, Għajnsielem, Monsinjur Mario Grech, Amministratur Appostoliku għal Għawdex, għadda l-onorifiċenza “Pro Ecclesia et Pontifice” lil Charles Spiteri. Dan l-unur jingħata mill-Papa lil dawk l-Insara li jkunu ddistingwew ruħhom għas-servizz mogħti lill-Knisja f’xi qasam jew ieħor.
L-Isqof Grech irringrazzja lil Spiteri, f’isem il-Knisja f’Għawdex, għas-servizz li tul dawn is-snin kollha ta fil-qasam tal-ġurnaliżmu lokali, speċjalment fejn jidħlu l-attivitajiet djoċesani. Hu qal li “Charles Spiteri hu ġurnalista veteran u għal ħafna snin ismu kien sinonomu ma’ dak li jixxandar dwar Għawdex. Snin ilu, meta l-komunikazzjoni soċjali ma kinitx daqshekk mifruxa b’mod għalkollox volontarju, Spiteri kien jimpenja ruħu biex jikkomunika aħbarijiet dwar il-ġrajjiet li jseħħu f’Għawdex. Ħafna drabi kien bis-sfiq ta’ wiċċu li kien jasal biex l-ewwel jiġbor xi tagħrif, imbagħad jikseb spazju fil-gazzetta biex tidher l-aħbar.
“Dak li Spiteri għamel dwar Għawdex, għamlu wkoll mad-Djoċesi Għawdxija. Charles kien il-kanal biex il-ħajja tal-għaqdiet reliġjużi, tal-parroċċi tad-djoċesi u tal-missjunarji Għawdxin issir aħbar nazzjonali. Għal ċertu snin huwa kien kontributur regolari tar-Rivista djoċesana Il-Ħajja f’Għawdex.”
Għal din l-imħabba tiegħu lejn il-Knisja, il-Papa Franġisku laqa’ t-talba tal-Isqof Mario Grech u tah l-onorifiċenza msemmija.