L-aħwa Chaylon u Jake Castaldi li għandhom 14 u 12-il sena rispettivament, ħadu sehem fil-kategorija ta’ taħt il-15-il sena, fil-Kampjonati Dinjija tal-Blackball f’Albi, fi Franza. F’din il-kategorija kien hemm 15-il tim tad-doubles minn seba’ pajjiżi differenti, fejn Franza kellha ħames timijiet. L-aħwa Castaldi ġew iddikjarati Champions tad-Dinja ta’ taħt il-15-il sena, wara li għelbu l-isfida tal-koppja Franċiża Bidault u Luneau 3-0. Huma ddominaw dan il-konfront u kisbu din ir-rebħa ferm importanti.
It-trofew tal-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar għal Ottubru 2022 kif ukoll il-voucher ta’ abbiljament sportiv abbinat ma’ dan il-premju ġew ippreżentati lil Chaylon u Jake Castaldi minn Robert Micallef, Chief Commercial Officer u Matthew von Brockdorff Kap Eżekuttiv u Direttur Maniġerjali ta’ Atlas insurance. L-Għaqda Ġurnalisti Sports kienet irrappreżentata mill-Amministratur Stephen Azzopardi.
Dan il-premju ta’ kull xahar jingħata b’inizjattiva konġunta tal-Għaqda Ġurnalisti Sports u Atlas Insurance. Il-panel li jiġġudika r-rebbieħa ta’ dan il-premju jieħu nota tas-suċċessi miksuba matul dak ix-xahar u fl-istess ħin jistieden lill-assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet sportivi sabiex jibagħtu n-nomini tagħhom. In-nominati li jiġu evalwati jridu jkunu taħt il-21 sena.
In-nominazzjonijiet għandhom jaslu b’email lil [email protected]. Ir-regolamenti ta’ dan l-unur jinsabu fuq is-sit elettroniku tal-Għaqda Ġurnalisti Sports li hu www.maltasportsjournalists.com.