Il-Federazzjoni Nazzjonali tal-‘Past Pupils’ tas-Sależjani f’Malta, nedew proġett ġdid bl-isem CheckIn, f’attività li seħħet fl-uffiċini l-ġodda f’Tas-Sliema. Il-Ministru tat-Turiżmu, l-Onor. Clayton Bartolo MP, kien preżenti għal dan l-avveniment.
Il-proġett CheckIn jiffoka li joffri opportunitajiet ġodda liż-żgħażagħ u l-edukaturi barra minn xtutna, biex jesperjenzaw mumenti ta’ avventura u ta’ tagħlim, fejn jesploraw il-gżejjer Maltin kif ukoll jitgħallmu aktar fuqhom infushom minn aspett ħolistiku. CheckIn iħeġġeġ liż-żgħażagħ sabiex jieħdu sehem fi proġetti differenti dwar il-kultura, l-ambjent, l-ispiritwalità u safar għaż-żgħażagħ.
Louis Debono u Marica Aquilina ppreżentaw il-logo u l-website l-ġdid ta’ CheckIn. Urew lil mistednin ix-xogħol li sar għal CheckIn, u qasmu magħhom proġetti li diġà qegħdin fis-seħħ kif ukoll proġetti li qegħdin fi stadju ta’ pjanar għal matul is-sena li ġejja. Wieħed mill-proġetti li bħalissa qiegħed fis-seħħ huwa CheckIn Camino – app li toffri esperjenza fil-kampanja u mal-kosta ta’ Malta u ta’ Għawdex, fejn wieħed jara l-kultura u l-ambjent Malti minn lenti differenti; minn lenti ta’ avventura ta’ mixjiet differenti.
“Dan il-proġett iħares lejn it-turiżmu ta’ fidi mhux mill-aspett ta’ reliġjon biss, imma minn perspettiva ħolistika li tindirizza l-elementi spiritwali, fiżiċi, soċjali u kulturali tal-persuna. Dan jagħti valur lil dan il-proġett. Għalhekk, il-prodotti u s-servizzi li qed jinħolqu jolqtu l-edukazzjoni non-formali, il-volontarjat, l-iskambju kulturali, l-isports u l-avventura. L-għan li jipprovdi lill-parteċipanti — l-aktar żgħażagħ u edukaturi — esperjenza dinamika marbuta ma’ dak li joffru Malta u Għawdex,” tenna l-Ministru għat-Turiżmu, Onor. Clayton Bartolo MP.
Għal dawk li huma interessati u jeħtieġu aktar informazzjoni, jistgħu jikkuntattjaw lil Marica Aquilina fuq dan in-numru: 99375669 jew fuq dan l-e-mail: [email protected].