Chelsea lestew l-iffirmar tal-midfielder ta’ Brighton, Moises Caicedo, għas-somma ta’ £100 miljun li tista’ titla’ għar-rekord ta’ club Brittaniku għal £115-il miljun.
Nhar il-Ġimgħa li għaddiet Liverpool kienu laħqu ftehim ta’ £111-il miljun għall-player tal-Ekwador ta’ 21 sena.
Iżda l-preferenza ta’ Caicedo kienu Chelsea u fl-aħħar irnexxielhom b’offerta li għamlu l-Ħadd filgħaxija wara li kellhom sensiela ta’ offerti miċħuda.
Caicedo, li ngħaqad ma’ Brighton għal £4 miljun fi Frar, 2021, qabel ma’ kuntratt ta’ tmien snin fi Stamford Bridge bil-Blues għandhom għażla ta’ sena oħra.
Il-pagamenti addizzjonali ta’ £15-il miljun huma bbażati l-aktar fuq id-dehriet u Brighton jistennew li jirċievu l-£115-il miljun kollha fi żmien qasir. Is-Seagulls innegozjaw ukoll klawsola ta’ bejgħ sinifikanti għall-midfielder.
Jekk Chelsea jħallsu s-somma sħiħa ta’ £115-il miljun dan ikun ifisser li jiksru r-rekord tal-club Brittaniku darbtejn fl-2023, wara x-xiri ta’ £107 miljun tal-midfielder tal-Arġentina, Enzo Fernandez, f’Jannar.