Chelsea laħqu ftehim ma’ Brighton biex jiffirmaw lill-midfielder, Moises Caicedo, bi ħlas rekord Brittaniku ta’ £115-il miljun.
Kienu Liverpool li laħqu ftehim ta’ £111-il miljun għall-player tal-Ekwador, 21 sena, nhar il-Ġimgħa li għadda.
Iżda l-preferenza ta’ Caicedo hija Chelsea u fl-aħħar irnexxielhom li jakkwistawh wara li dan is-sajf kellhom diversi talbiet miċħuda minn Brighton.
Il-ħlas ifisser li Chelsea se jiksru r-rekord Brittaniku darbtejn fl-2023, wara l-akkwist ta’ £107 miljuni tal-midfielder tal-Arġentina Enzo Fernandez, f’Jannar li għadda.
Caicedo, li tħalla barra mill-iskwadra ta’ Brighton fir-rebħa ta’ 4-1 tal-ftuħ tal-istaġun f’darhom kontra Luton Town, għad irid isirlu t-test mediku.
Huwa mifhum li t-tariffa inizjali hija ta’ £100 miljun, b’nofs il-ħlasijiet addizzjonali jingħad li jistgħu jinkisbu faċilment, filwaqt li Brighton innegozjaw ukoll klawsola ta’ bejgħ.