Chelsea se jkollhom iħallsu madwar £15-il miljun bħala pakkett ta’ tkeċċija lil Thomas Tuchel u l-istaff tal-coaches tiegħu wara t-tkeċċija ta’ nhar l-Erbgħa.
Il-manager ta’ 49 sena ħa l-inkarigu tal-100 logħba tiegħu mal-Blues nhar it-Tlieta filgħaxija, iżda din intemmet f’diżappunt hekk kif Dinamo Zagreb spiċċaw rebbieħa bl-iskor minimu ta’ 1-0 fl-ewwel logħba tagħhom taċ-Champions League.
Anqas minn 24 siegħa wara l-logħba, Chelsea ħabbru li Tuchel kien tkeċċa mill-kariga tiegħu – deċiżjoni li huwa mifhum li kellha tittieħed qabel it-telfa Ewropea ta’ nofs il-ġimgħa.