Monday, December 23, 2024

Cher: “Putin għandu jinqatel minħabba għemilu”

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

L-istilla Amerikana toffri li tilqa’ refuġjati Ukreni għax kieku kienet f’posthom tkun tixtieq li jgħinuha…

Il-kantanta u attriċi famuża Cher ħarġet b’kundanna estrema għall-mexxej Russu, Vladimir Putin, wara li ddikjarat li fl-opinjoni tagħha u kieku kienet flok Biden, tmur pass oltre u toqtlu. Dan talli Putin invada lill-Urkajna u “qiegħed joqtol ħafna nies innoċenti”. Fl-istess messaġġ Cher offriet pubblikament li tilqa’ refuġjati Ukreni li qegħdin jaħarbu minn pajjiżhom.

“Kieku kont jien b’uliedi, kieku nkun irrid li xi ħadd jgħinni. Dak li qiegħed jagħmel Putin huwa sempliċiment ħażen u għandu jinqatel minħabba għemilu,” iddikjarat l-istilla ta’ Hollywood.

Cher, li llum il-ġurnata għandha 75 sena, irrikorriet għall-midja soċjali biex tesprimi l-opinjoni tagħha wara li semgħet id-diskors tal-President Amerikan, Joe Biden. Dan tal-aħħar qal li hemm bżonn li Putin jitneħħa mill-poter. Biden kompla bil-kampanja tiegħu kontra l-mexxej Russu billi indirizza direttament lill-poplu Russu. Huwa għamlilhom appell biex ma jsegwuwx l-ordinijiet “ta’ dittatur li qatt m’huwa se jneħħi x-xewqa tan-nies li jkunu liberi”. 

Il-President tal-Istati Uniti sostna li Putin irid jitneħħa mill-poter u kkwota kliem il-Papa Ġwanni Pawlu II biex, “qatt u qatt titilfu t-tama, qatt tiddubitaw, qatt tieqfu u qatt titilfu l-kuraġġ. Tibżgħux”.

Wara dan il-kliem mill-mexxej tagħha, fuq Twitter Cher kitbet li, “qegħdin naraw lil Putin jipprova b’vendikazzjoni jeqred lill-Ukrajna. Putin huwa wisq ħażin u kieku kont jien nagħmel pass oltre minn dak ta’ Joe (b’referenza għal Biden). Putin għandu jinqatel talli qiegħed jipprova jeqred lill-Ukrajna u talli qiegħed brutalment jibbombardja biex joqtol irġiel, nisa, tfal u trabi innoċenti”.

Cher ukoll ingħaqdet ma’ diversi persuni u offriet li tilqa’ għandha familji Ukreni li qegħdin jaħarbu minn pajjiżhom. Fi tweet riċenti l-kantanta qalet li se tisponsorja għadd ta’ familji u talbet biex persuni fl-istess pożizzjoni tagħha, jagħmlu l-istess.

“Nixtieq nilqa’ familji Ukreni fejn se jkunu siguri u kkurati. Ħafna nies fil-pożizzjoni tiegħi misshom jagħmlu l-istess. Kieku kont waħdi ma’ wliedi u ttrawmatizzata, kieku jien kont nittama li xi ħadd bħali jgħinni,” temmet b’appell Cher.

Ekonomija

Sport