Il-player internazzjonali Taljan, Federico Chiesa, qed jitlob lil Liverpool biex iħalluh jitlaq b’self f’Jannar b’Milan, Roma u Napoli kollha interessati.
Il-winger għamel it-trasferiment lejn Anfield fis-sajf għal €12-il miljun biss bil-kuntratt tiegħu jintemmlu ma’ Juventus.
Fost ir-raġunijiet ewlenin għaliex il-Bianconeri ma kinux lesti li joffrulu ftehim ġdid kien hemm ir-rekord ta’ injuries terribbli tiegħu u li kompla bihom fl-Ingilterra.
Il-player ta’ 27 sena għamel biss erba’ dehriet kompetittivi bil-flokk ta’ Liverpool għal total ‘kbir’ ta’ 123 minuti fil-ground.
B’dan f’moħħu, ġie kkonfermat li l-leaders tal-Premier League huma miftuħa li jħallu lil Chiesa jitlaq b’self f’Jannar sabiex ikun jista’ jikseb aktar ħin ta’ logħob.
Il-problema kbira hija li ħadd fl-Italja mhu lest li jħallas anke nofs il-pagi ta’ €7.5 miljuni kull staġun, u għalhekk Liverpool ikollhom bżonn jgħinu biex jaqsmu l-”piż”.
Napoli, Milan u Roma huma l-aktar interessati li jagħtu lil Chiesa ftit ħin tal-logħob dan l-istaġun.