Monday, December 23, 2024

Child-care centre ta’ San Ġwann suċċess

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Hekk kif faqqgħet l-imxija tal-COVID-19, bħala poplu kellna naffaċċjaw diversi sfidi f’sitwazzjoni li ġiet fuqna għal għarrieda. Bla ebda dubju mall-ewwel inqalgħu diffikultajiet għal diversi setturi tal-komunità, fosthom l-istudenti tal-iskejjel u l-istituzzjonijiet edukattivi tal-pajjiż, u wkoll għall-ħaddiema kollha. Dawn iż-żewġ setturi tista’ tgħid li kellhom id-diffikultajiet tagħhom marbutin flimkien.

Mal-għeluq ħesrem tal-iskejjel, l-istudenti spiċċaw magħluqin fi djarhom mal-ġenituri jew il-kustodji tagħhom. U din is-sitwazzjoni allura ppreżentat ħsibijiet li għaddew minn moħħ il-ġenituri dwar diversi fatturi.

It-tkomplija tal-edukazzjoni kienet risolta mall-ewwel permezz ta’ ħidma għaqlija tal-Ministeru u wkoll id-Dipartiment tal-Edukazzjoni li f’ħidma kkoordinata ferm tajjeb ħasbu biex it-tagħlim jibqa’ jingħata imma skot ir-realtà li qegħdin ngħixu. Dan sar permezz tat-tagħlim onlajn, sistema li mal-ġranet kompliet titjieb u llum-il ġurnata nistgħu ngħidu li għandna sistema li tħabbatha tajjeb ferm, u f’ċerti każi ħafna aktar, minn pajjiżi oħra madwar id-dinja. Nafu wkoll li din is-sistema qed tkun aġġornata mal-mogħdija tal-jiem.

B’din il-problema li twarrbet min-nofs, kien hemm bżonn ta’ soluzzjoni oħra. Din id-darba soluzzjoni biex jibbenefikaw minnha l-professjonisti u l-ħaddiema tal-Isptar Mater Dei u ċentri oħra tas-saħħa u wkoll dawk kollha fil-Korpi Dixxiplinati.

Minħabba t-talba biex dawk kollha f’dawn is-setturi jkunu preżenti fuq il-post tax-xogħol biex jieħdu ħsieb saħħitna, inħolqot għalhekk sitwazzjoni dwar kif dawn setgħu jagħmlu xogħolhom, bit-tfal żgħar – kif jgħid il-Malti – jiġru ma’ saqajhom.

Imma ankè hawn daħal il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u pprodva soluzzjoni li qed tagħtimhux biss il-frott tagħha, imma wkoll qed tkun ta’ servizz lil dawn il-professjonisti fil-qasam tas-saħħa u ħaddiema tal-Korpi Dixxiplinati.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, Owen Bonnici, qalilna li hekk kif feġġet din il-problema, ra kif jagħmel biex il-Ministeru jkun ta’ servizz. “Bl-iskejjel tagħna magħluqin, kellna spazji kbar li f’daqqa waħda spiċċaw minn bejta ta’ attività għal spazji biex ngħidu hekk moħlija. Kif qaluli li kien hemm din id-diffikultà mall-ewwel ridt nara kif aħna nistgħu ngħinu lil dawn il-ħaddiema li jinsabu fuq quddiem nett fil-ġlieda kontra dan il-vajrus”, qalilna l-Ministru Bonnici.

Huwa kompla jispjegalna li għamel kuntatt mad-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u minn hemm nibet il-ħsieb li jsir childcare centre fi skola l-aktar viċin l-Isptar Mater Dei.

Dan il-post reġa kien fl-aħbarijiet wara żjara li l-Ministru Bonnici għamel biex jara l-andament ta’ dan is-servizz li qed jingaħata. Childcare centre f’San Ġwann li jilqa’ fih, fuq bażi bla ħlas, tfal tal-professjonisti tal-kura tas-saħħa u tal-Korpi Dixxiplinati u issa ilu jilqa’ t-tfal fih sa’ mis-16 ta’ Marzu li għadda.

Il-Ministru Bonnici kompla jispjegalna li bħalissa f’dan iċ-ċentru hemm total ta’ 38 tifel u tifla – 20 li huma rreġistrati fil-klabb għal etajiet bejn 0-3 snin, u 18-il tifel u tifla oħra rreġistrati b’etajiet bejn tliet snin u sittax-il sena.

“Nixtieq nirringrazzja lil kull min kien involut biex l-Iskola Primarja ta’ San Ġwann li tagħmel parti mill-Kulleġġ ta’ Santa Klara nbidlet minnufih u ġiet mgħammra apposta ħalli jingħataw servizz b’xejn ta’ childcare lil dawk il-professjonisti u membri tal-forzi dixxiplinati li tant qed jagħmlu xogħol siewi”, qalilna l-Ministru Bonnici. Huwa rringrazzja b’mod partikolari liċ-childcarers li ilhom għal dawn l-aħħar xahrejn u iktar jagħtu servizz mill-qalb li pajjiżna tant kellu u għandu bżonn.

Il-Gvern, f’Marzu li għadda, kien ħabbar li se jiġu offruti servizzi ta’ childcare b’xejn lil professjonisti fil-qasam tas-saħħa u tal-korpi dixxiplinati biex b’hekk tiġi assigurata kemm jista’ jkun il-kapaċità massima ta’ dawn il-ħaddiema fl-isptarijiet u t-toroq tagħna minħabba l-imxija tal-COVID-19.

Is-servizz qed jiġi offrut mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u ttieħdu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa skont il-pariri tal-Awtoritajiet tas-Saħħa biex jitħarsu kemm it-tfal u kemm iċ-child carers skont protokolli apposta.

Servizz bħal dan għandu għadd ta’ ħaddiema li minn wara l-kwinti jaraw li kollox huwa kif suppost u skont il-prekawzjonijiet mitluba. Tant, li mhux biss il-post kien fumigat qabel ma beda jingħata s-servizz, imma din il-miżura qed issir kuljum.

Din mhux l-unika okkażjoni li daħal għaliha l-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol. Filfatt fejn kien possibbli l-ispazji tal-iskejjel magħluqin intużaw biex ikunu ta’ servizz lill-pajjiż f’dan il-perjodu li matulu rajna għaqda u rieda tajba minn diversi setturi u ministeri għall-benefiċċju tal-komunità kollha Maltija u Għawdxija.

Ekonomija

Sport