Sunday, December 29, 2024

Children Cinema Day

Mario Azzopardi
Mario Azzopardi
Kritiku tal-Films

Aqra wkoll

Il-klieb għamluha!  Is-sequel animat “Paw Patrol: The Mighty Movie iddomina tmiem il-ġimgħa b’dħul ta’ $23 miljun fil-box office Amerikana. Ibbażat fuq is-sensiela popolari għat-tfal li tidher fuq Nickelodeon TV, dan il-film animat sewa $30 miljun.  Mill-pajjiżi l-oħra fejn diġa ħareġ għall-wiri, dan il-film kellu dħul ta’ $23.1 miljun oħra għal total ta’ $46.1 miljun.

“Paw Patrol: The Mighty Movie” jibda jintwera fis-swali lokali mill-ġimgħa d-dieħla u hu wieħed mill-films fl-iskeda taċ-Children Cinema Day.

“Saw X” iddebutta fit-tieni post tal-box office Amerikana.  Hu bidu impressjonanti għall-franchise li tara l-għaxar film f’post daqshekk għoli.  Mhux l-istess jista’ jingħad għal “The Creator” li kien mistenni li jmur ferm aħjar u ddebutta fit-tielet post, b’dħul ta’ $14-il miljun.  Dan il-film sewa $80 miljun biex inħadem.  Barra l-Istati Uniti mar aħjar b’dħul ta’ $18.2 miljun u għadu ma bediex jintwera fiċ-Ċina, l-Ġappun u l-Korea t’Isfel.  Il-film qed jappella għall-irġiel biss u din hi daqqa ta’ ħarta għal dan il-film li fih jidher John David Washington.

Fir-raba’ post, film ieħor tal-orrur “The Nun II”.

Children Cinema Day

Is-Sibt 14 ta’ Ottubru ser tkun ġurnata fejn it-tfal jistgħu jgawdu minn jum li fih  jistgħu jaraw l-aktar films riċenti immirati għall-familja kollha. 

Kif wieħed jistenna, ser ikun hemm films animati.  Dawn jinkludu: “Elemental”, “Teenage Mutant Ninja Turtles: Mutant Mayhem”, “Paw Patrol: The Mighty Movie” kif ukoll wieħed mill-films klassiċi tal-passat “Frozen”.

Barra dawn il-films animati, ser jintwerew ukoll uħud mill-films li kienu għall-wiri f’dawn l-aħħar ġimgħat bħal “The Little Mermaid”, “Blue Beetle” u fuq kollox il-blockbuster tas-sajf u probabbli anke tas-sena, “Barbie”.

Dawn il-films ser ikunu qed jintwerew minn filgħodu sas-7.00 p.m.  Il-prezzijiet tad-dħul ser ikunu orħos mis-soltu.  Is-swali kollha taċ-ċinema, f’Malta u f’Għawdex ser ikunu qed juru l-films kollha jew uħud minnhom.  Il-booking għal dawn il-wirjiet hu miftuħ.

Saw X

Meta sentejn ilu ħareġ “Spiral”, li pprova jagħti direzzjoni differenti mit-tmien films li ħarġu qabel fil-franchise ta’ “Saw”, ir-riżultat fil-box Office kien diżastruż.  Għalhekk mhix sorpriża li l-producers wara din il-franchise reġgħu poġġew fuq il-mejda biex jagħtu ħajja ġdida.  Saret anke riċerka fost dawk li riedu jikkummentaw dwar “Spiral” u kważi kien hemm deċiżjoni unanima li riedu lura lil Jigsaw u l-pupazz Billy.  

Mhux ser niddejjaq ngħid li dawn il-films ma jogħġobnix imma nifhem li hawn udjenza għalihom.  Globalment, dawn il-films kellhom dħul ta’ aktar minn biljun dollaru.  Fil-fehma tiegħi, dan l-għaxar wieħed għandu storja aktar magħquda u żgur hu wieħed mill-aħjar fil-franchise.  

Tobin Bell li llum għandu 81 sena, jerġa lura fil-parti ta’ John Kramer/Jigsaw.  Kramer ikollu kanċer terminali fil-moħħ.  Jikkonvinċuh li fi klinika partikolari fil-Messiku jistgħu jfejjquh.  Issirlu l-operazzjoni u jingħata droga li għadha f’fażi esperimentali.  Wara, Kramer isir jaf li dan kollu kien frodi u mhux veru fieq.  Ikun baqalu ftit xhur ħajja.  

F’“Saw X”, Jigsaw jerġa jsib lill-protégé tiegħu Amanda (Shawnee Smith). Flimkien huma jsibu il-frodisti li abbużaw minn John Kramer u nies vulnerabbli oħra biex iwettaq vendetta fuqhom.  

Biex ma nkunx negattiv sa barra, hemm element ‘pożittiv’ f’dawn il-films billi Jigsaw u l-pupazz Billy jitfgħu l-magħżula għat-tortura f’qagħda li jissieltu mal-mortalità tagħhom hekk kif ikunu fin-nases tal-mewt u jagħmluhom jistmaw ħajjithom.  Hawn min jiddeskrivi din il-franchise bħala ‘torture porn’.

Maħdum taħt id-direzzjoni ta’ Kevin Greutert (li dderieġa ir-raba’ u l-ħames wieħed, imma b’xi mod jew ieħor, f’kull wieħed kellu xi sehem), dan il-film ġdid jiġi bejn l-ewwel “Saw” li rajna fl-2004 u “Saw II” li rajna s-sena ta’ wara.  Almenu dan il-film għandu aktar sustanza fl-istorja milli enfażi fuq it-tortura.

Wieħed irid jgħid li oriġinarjament l-ewwel film “Saw” suppost ma kienx intenzjonat li joħroġ għall-wiri fit-teatri imma kellu jmur direttament fuq l-ixkafef tal-video.  Ir-reazzjoni għall-ewwel film tant kienet pożittiva, li “Saw” ħareġ fit-teatri u issa waslu fl-għaxar kapitlu.  

“Saw X” hu kklassifikat 18 minħabba x-xeni vjolenti u dmija.

Ekonomija

Sport