Sunday, August 10, 2025

“Chris: min jaf kemm ġabar nies mit-triq… kien motivatur u kolonna għall-Caritas”

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Sa nhar it-Tnejn li għadda tkellimna u ċċajtajna flimkien. Min jaf kemm ġabar nies mit-triq u wassalhom biex jibdew programm mal-Caritas. Kien motivatur. Kien kolonna importanti għall-Caritas”.

Dan kien dak li qal lil IT-TORĊA, Paul  Caruana, eks impjegat tal-Caritas, u li kien jaf sew lil Christian Vella li miet proprju ftit jiem ilu għall-għarrieda. Mewt li ħasdet u xxukkjat lil ħafna fosthom residenti li qegħdin jagħmlu programm tal-Caritas u oħrajn li temmew il-programm b’suċċess.

Paul jgħidilna li “Christian ta’ 14-il sena kien spiċċa jabbuża mid-droga. Wara ħafna snin irriforma ruħu u spiċċa staff tal-Caritas. Kien mahbub. Kien tajjeb ħafna f’xogħlu. Hu kien kolonna importanti. Diffiċli taqbad u tiddeskrivieh. Dħuli. Umli. Jien għalija kien bniedem tal-ġenn”.

“Christian kien sportiv u motivatur. Għamilna sentejn jien u hu naħdmu bil-lejl flimkien. Min jaf kemm ġabar nies mit-triq. Kien imur għalihom anke fl-isptar Monte Carmeli.”

Kont fortunat li sibt lilek

Jitkellem ukoll Daniel Mallia u jiddikjara bla tlaqlieq li “kont furtunat li sibt lilek fil-bidu tat-triq biex nirkupra tmien snin ilu.  Kont furtunat li kont kollega tiegħek.  Privileġġ kbir li sirt nafek u dulur kbir li tliftek. Se jibqgħu biss memorji.”

Qal ukoll li “inħoss li Caritas Malta tilfet ‘role model’ kbir, dejjem kont ta’ spalla għal ħafna persuni li kienu fil-vizzju tad-droga. Qatt ma ġġudikajt lil ħadd. Dejjem kont toħroġ għonqok biex tkun ta’ għajnuna. Kont tinsa lilek innifsek ħafna mid-drabi basta tara lil dik il-persuna qiegħda f’post aħjar mili fit-triq”.

Ħallejt dieqa kbira…se tibqa’ mfakkar għax-xogħol kbir li għamilt

Titkellem ukoll Stephanie Grech u tgħid li “ma nistax niddeskrivi id-dieqa li ħalla warach Chris. Se jibqa’ mfakkar għal dejjem. It-telfa tiegħhu hi telfa kbira għar-residenti u l-istaff. Hu kien maħbub minn kulħadd. Se jibqa’ mfakkar għax-xogħol eċċezzjonali li wettaq. Dejjem kien hemm għal dawk li kellhom bżonn  fil-mumenti diffiċli.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport