Friday, December 27, 2024

Christian Arding ir-rebbieħ tal-Għanja tal-Poplu 2023

Kanzunetta mnebbħa minn storja vera ta’ persuna li għaddejja minn żmien diffiċli

Aqra wkoll

Il-kanzunetta ‘Il-Baħħ u Jien’ interpretata minn Christian Arding fuq kliem ta’ Natasha Grima u mużika ta’ Natasha Grima u Charlene Grech ġiet ddikjarataL-Għanja tal-Poplu 2023. 

L-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Għanja tal-Poplu ttellgħet nhar is-Sibt li għadda fi Pjazza Teatru Rjal, fejn instemgħu s-sittax-il kanzunetta finalista akkumpanjati mill-Malta Concert Orchestra taħt id-direzzjoni ta’ Mro Paul Abela. Għas-47 edizzjoni ta’ L-Għanja tal-Poplu ġew sottomessi 142 kanzunetta oriġinali.

Fil-finali r-rebbieħa ntgħażlu minn ġurija esperta flimkien ma’ ġurija popolari. Il-ġurija popolari kienet tinkludi membri tal-pubbliku kif wkoll membri tal-Malta Concert Orchestra.

Il-kanzunetta rebbieħa titkellem dwar xi tkun qed tħoss persuna bi ħsibijiet ta’ suwiċidju – suġġett li jinsab mistur fis-silenzju. Il-kanzunetta hija mnebbħa minn storja vera. Fiha nisimgħu l-ħsibijiet ta’ raġel li qed isibha diffiċli jesprimi l-emozzjonijiet tiegħu u jixtieq isib min jifhmu u jgħinu. Christian Arding ingħata ukoll il-premju Enzo Gusman għall-aħjar interpretazzjoni. 

Il-kanzunetta ‘Meravilja’ kantata minn Mark Spiteri Lucas u Debbie Scerri, bi kliem ta’ Emil Calleja Bayliss u mużika ta’ Mark Spiteri Lucas ġiet ikklassifikata fit-tieni post. Meravilja hija poeżija li turi s-sabiħ tal-ħajja u kemm din isir isbaħ meta titgħallem tgħixha, tapprezzaha u titgħallem tirbaħ fuq id-diffikultajiet li jitfaċċaw bla mistenni. 

Il-kanzunetta ‘Katina’, interpretata minn Laura Bruno u miktuba minn Paul Ellul, b’mużika ta’ Mark Spiteri Lucas ikklassifikat fit-tielet post. Il-kanzunetta titkellem dwar nies bi bżonnijiet speċjali u tqabbel l-umanità ma’ katina fejn kull ħlejqa umana hi speċjali. Kull persuna hija ħolqa f’katina waħda fejn kulħadd huwa bżonn xulxin. 

Jean Claude Vancell rebaħ il-premju għall-aħjar kantawtur bil-kanzunetta ‘Monokrom’ bi kliem u mużika tiegħu stess. Il-kanzunetta inkitbet fi żmien ta’ solitudni u l-awtur jitkellem dwar ir-riskji li lest li jieħu biex jagħti lewn lil ħajtu. Il-monokrom, għalkemm sabiħ u kumpless huwa metafora għal esperjenza tad-dipressjoni. Madankollu, fil-kanzunetta hemm ukoll element ta’ tama li l-bniedem jsib is-sabiħ tal-ħajja bl-għajnuna ta’ persuna oħra.

Il-premju għall-aħjar tema soċjali mar għand Lon Kirkop bil-kanzunetta ‘Għadu Ma Sarx’ interpretata minn Kelsey Bellante. Din il-kanzunetta titratta r-realtà ta’ persuni li qed isofru minn vjolenza domestika u tirrakkonta dak li jgħaddu minnu l-vittmi u dawk ta’ madwarhom. 

Il-kumitat organizzattiv ta’ L-Għanja tal-Poplu ppreżenta l-premju L-Għanja Li Tibqa’ lil Mary Galea magħrufa bħala Merga għall-kontribut tagħha lill-kanzunetta Maltija. Merga interpretat il-kanzunetta ‘Madonnina’ ta’ J.B.Cassar kif ukoll Marija ta’ Wied il-Għajn’ ta’ Albert Friggieri.

Dan il-festival huwa organizzat mill-għaqda volontarja L-Għanja tal-Poplu bil-kollaborazzjoni ta’ Pjazza Teatru Rjal u huwa megħjun mill-Kunsill Malti Għall-Arti.

“Għandna biex inkunu kburin bit-talent u l-lingwa Maltija” 

Fl-ewwel kummenti tiegħu, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici awgura lir-rebbieħ tas-47 edizzjoni tal-Għanja tal-Poplu Christian Arding u t-tim tiegħu bid-diska “Il-Baħħ u Jiena”, b’lirika unika li żgur se twassal messaġġ qawwi ħafna. 

Huwa qal li mertu wkoll bla dubju ta’ xejn tal-awturi u kompożituri tad-diska Natasha Grima u Charlene Grech. Fl-istess waqt feraħ ukoll lit-tim kollu tal-Għanja tal-Poplu li tellgħu festival b’livell daqshekk għoli.  

“Kburi li bħala Ministeru tajna s-support kollu tagħna. Verament għandna biex inkunu kburin bit-talent u l-lingwa Maltija!”, qal il-Ministru Bonnici.

Ekonomija

Sport